L-azzjonijiet industriali tal-GWU u l-ġlieda tal-ħaddiema tal-AirMalta
Minn osservatur politiku
Ma tantx hu żmien li l-AirMalta ikollha tiffaċċja azzjonijiet industrijali minn waħda mill-unions prinċipali ta’ pajjiżna. Bħalissa huwa l-iżjed perjodu fejn l-AirMalta tkun qed taħdem u inkwiet fl-impjegati tagħha ma jawgurax tajjeb. F’dawn l-aħħar ġimgħat diġa esperjenzajna nuqqasijiet fl-AirMalta li waslu għal diversi vjaġġi jaslu tard u tard ħafna.
Il-General Workers’ Union ħarġet direttivi lill-ħaddiema tal-AirMalta wara li din l-istess kumpanija ma tatx każ ir-rikjesti għal pakkett ġdid għall-ħaddiema tagħha. Issa ilha ġimgħat tibgħat korrispondenza biex isiru laqgħat biex jiġi diskuss dan il-pakkett ġdid mal-airline. Mid-dehra din l-airline ma bagħtet ebda risposta għar-rikjesti tal-Union. Għalhekk il-Union ma kienx għad fadlilha toroq oħra għajr li joħorġu direttivi lill-ħaddiema.
Il-Union talbet lill-membri tagħha biex jimxu ma’ direttivi amministrattivi li żgur ser ikollhom effett fuq is-servizz li din l-istess airline trid twettaq mal-klijenti tagħha. Imma dan huwa żmien ikrah għall-AirMalta li jkollha l-inkwiet mal-Union tal-ħaddiema tagħha. Is-Sajf huwa l-iktar perjodu fejn l-ikbar numru ta’ titjiriet ikunu għaddejjin. Kull azzjoni, żgħira kemm hi żgħira, taffetwa x-xogħol tal-AirMalta. Bil-fors li jkun hemm ftit tad-disgwid fejn jidħlu l-klienti tagħha.
Irridu niftakru wkoll li l-AirMalta diġa’ naqset nofs il-ħaddiema tagħha meta twettqet ristrutturazzjoni qawwija ftit tax-xhur ilu. Dawn id-direttivi qed jaslu wkoll eżattament ftit wara li kulħadd sar jaf kemm qed idaħħal il-Kap Esekuttiv tal-AirMalta. Ma tantx jibgħat messaġġi pożittivi meta għandek lill-ħaddiema jiġġieldu għal ftit li jista’ jkun ħaqqhom fil-paga tagħhom u l-Kap Esekuttiv li huwa l-iktar Malti li jirċievi l-għola paga. Imma l-agħar hu li din il-paga qed tasal għandu minn kumpanija li hi għarkupteha.
Nafu wkoll li l-prospettiva li l-AirMalta żżarma qiegħda hemm. Tidher diffiċli li l-Unjoni Ewropea tagħti l-permess li l-Gvern jagħti għajnuna ta’ miljuni lill-istess AirMalta. Mela jidher li din l-airline ser tispiċċa żżarma biex ikun hemm kumpanija ġdida li tibda mill-bidu t-tmexxija ta’ din l-airline. Mela meta s-sitwazzjoni tal-AirMalta hija daqstant fluwida, huwa tajjeb li l-Union titlob diskussjonijiet għal pakkett ġdid għall-ħaddiema tagħha? Fi kliem ieħor, il-gvern qed juża l-mudell Taljan, li kien intuża kontra l-Alitalia, biex jagħmel l-istess fil-każ tal-AirMalta.
