Kull deċiżjoni li ħadet il-maġistrata Marse-Ann Farrugia fl-inkjesta tagħha kienet dejjem f’ġieħ il-ħaqq

Minn Edwin Vassallo

Fil-media smajna żewġ verżjoni dwar l-inkjesta maġisterali. L-ewwel verżjoni hija dik tal-Prim Ministru. Skont il-Prim Ministru, il-qorti, jiġifieri l-maġistrata Marse-Ann Farrugia, talbet estensjoni għal aktar żmien biex tkun tista’ tlesti din linkjesta maġisterjali. Min-naħa l-oħra, kellna l-verżjoni ta’ Jason Azzopardi li qal li mhux veru li ntalbet din estensjoni. Imma din is-saga ma waqqfitx hawn. Wara ħareġ il-Partit Nazzjonalista u attakka lil Victoria Buttigieg, l-Avukata tar-Repubblika u talab li tkun investigata talli ħarġet informazzjoni u tatha lill-gvern dwar din l-inkjesta. Mill-mod kif tkellem il-PN ta x’jifhem li verament intalbet estensjoni għal din linkjesta.

Mela jekk verament intalbet estensjoni, il-qorti talbet din l-estensjoni biex ikollha aktar ħin biex titlesta din l-inkjesta maġisterjali. Dan ifisser li t-talba tal-Prim Ministru biex din l-inkjesta maġisterjali titlesta fi żmien qasir ma kienx fattwali. Il-maġistrata tiddependi fuq ir-rapporti tal-esperti li tqabbad biex tagħlaq l-inkjesta tagħha. Dan hu fatt li l-Prim Ministru jafu sew. Allura ma kienx f’waqtu jxewwex lin-nies kontra lmaġistrata. Fuq kollox, il-maġistrata ma għandhiex din l-inkjesta biss. Għandha x-xogħol regolari tagħha.

Għalhekk, filwaqt li l-Prim Ministru ma tilef xejn biex jgħid li l-qorti għandha tgħaġġel il-proċessi tal-inkjesta maġisterjali, il-Prim Ministru kellu jfakkar lin-nies li fis-sistema tagħna, il-maġistrata ma għandhiex biss din l-inkjesta, imma wkoll is-smiegħ tal-kawżi u nkjesti oħra. Wieħed ma jistax jistenna li maġistrata titlaq kollox minn idejha biex tlesti din l-inkjesta. Dan ifisser li jkollha titlaq minn idha xogħol ieħor li diġa’ qegħda tagħmlu u qiegħed ukoll mistenni minnha li jitlesta.

Infakkar li bħal kull maġistrata u maġistrat ieħor, din il-maġistrata għandna lista ta’ kawżi xi tlesti. Hemm inkjesti oħra x’jitlestew. Fuq kollox, din hija maġistrata li għandha reputazzjoni li tagħmel xogħlha sew u b’mod fair. U min fil-qorti jagħmel xogħlu sew, irid jieħu wkoll iż-żmien biex jagħmlu sewwa. B’hekk din il-kritika tal-Prim Ministru lejn din il-maġistrata kienet waħda nġusta.

Għalhekk din it-talba għall-estensjoni taż-żmien għall-inkjesta maġisterjali (dejjem jekk din hija minnha) jista’ jkollha diversi interpretazzjonjiet. L-ewwel interpretazzjoni hija li l-qorti qed tgħid lill-Prim Ministru li ma għandux ġurisdizzjoni fuqha. Imma ma naħsibx li dan hu l-każ. Fi kliem ieħor, ma kienx hemm demwien mill-maġistrata, kif kien hemm min argumenta, biex issir ħsara lill-gvern. Waqt li huwa prinċipju sagrosant li f’demokrazija ta’ pajjiż ikun hemm l-indipendenza tal-qorti mill-gvern, il-gvern jaħtar ministru tal-ġustizzja li għandu d-dmir li jara li l-amministrazzjoni tal-qorti titmexxa tajjeb. Mela jekk kien hemm xi ħaġa li ma kinetx qed titmexxa sew, wieħed kien jistenna li l-kritika jagħmilha l-Ministru tal-Ġustizzja, Jonathan Attard u mhux il-Prim Ministru. Il-fatt li f’dan il-każ, il-kritika beda jagħmilha l-Prim Ministru ma jirrifletti xejn tajjeb fuq l-istess Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja. Dan iġibni għat-tieni punt. Il-Prim Ministru ta x’jifhem li kellu interessi personali fil-każ, waqt li t-tielet punt huwa li l-Ministru tal-Ġustizzja mhux qed jagħmel xogħlu sew.

Min-naħa l-oħra, jekk dan il-gvern irid li jkun moqdi fil-ħin, allura jrid jinvesti aktar fin-nies. Jiddispjaċini ngħid li l-investiment fil-qrati mhux qed isiru kif għandhom jsiru. Il-popolazzjoni qed tiżdied u maż-żieda fil-popolazzjoni qed tiżdied il-pressjoni fuq il-qrati. In-nies qed jistennew li jinqdew mill-qorti b’mod aktar tempestiv. Hawn fejn naqbel mal-argumenti li qed isiru f’dan is-sit li ċertu riformi fis-settur tal-ġustizzja li saru dan l-aħħar mhux bil-fors żiedu l-effiċenza fil-qrati tagħna.

Dan ifisser li jekk il-gvern iħoss li ma kienx moqdi fil-ħin mill-qorti, kif ried hu, mela l-Ministru tal-Ġustizzja għandu jxammar ħalli jagħmel dawk ir-riformi meħtieġa biex jonqos id-dewmien fil-qrati tagħna. Mela l-Ministru tal-Ġustizzja għandu jara li jsir aktar investiment mill-gvern fil-qrati. Issa l-gvern jaf xi tfisser li tkun qed tistenna ħaqq u ddum ix-xhur jekk mhux snin twal sakemm issir ġustizzja miegħek!

Bil-mod kif tkellem il-Prim Ministru dwar il-qrati bagħat messaġġ li l-gvern għandu jkollu preċedenza fuq iċ-ċittadin. Il-qorti ma ħadet l-ebda deċiżjoni biex taqdi lill-gvern qabel in-nies. Il-qorti ma ħadet l-ebda deċiżjoni li twarrab x-xogħol tan-nies u tippreferi lix-xogħol tal-gvern. Imma l-anqas ħadmet biex tkaxkar saqajha f’din l-inkjesta partikolari biex tagħmel ħsara lill-gvern. Il-qorti għamlet xogħolha sew f’dan il-każ u l-maġistata mexxiet din l-inkjesta, kif dejjem jiġri, ma’ xogħol ieħor li kellha u stenniet li jidħlu r-rapporti kollha tal-esperti. Infakkar li kien dan is-sit li ħabbar li kien hemm espert li ħa aktar żmien biex ilesti r-rapport tiegħu u żamm milli tkun magħluqa din l-inkjesta. Għalhekk jien ninsab konvint li kull deċiżjoni li ħadet il-maġistrata f’dan il-każ dejjem kienet f’ġieħ il-ħaqq.

Din l-istorja għandha sservi ta’ tagħlima kbira għal Robert Abela. Dan il-gvern irid jitgħallem iżomm postu. Dan il-gvern ma jistax joħnoq l-indipendenza tal-qrati. Dan il-gvern irid jitgħallem jagħmel ir-riformi fil-qrati b’mod tajjeb u mhux b’mod spezzettat.

2 thoughts on “Kull deċiżjoni li ħadet il-maġistrata Marse-Ann Farrugia fl-inkjesta tagħha kienet dejjem f’ġieħ il-ħaqq

  1. Jiddispjaċini ngħidlek li ma naqbel xejn mar-raġunar tiegħek rigward dak li sar fuq il-każ ta’ Sofia. Lanqas darba ma tajt ftit raġun lill-Prim Ministru fuq id-deċiżjonijiet tajbin jew ħżiena li ħa f’dawn aħħar 7 xhur minħabba l-ammont ta’ żmien li ħadet il-maġistrat taħdem fuq l-inkjesta. Għidtilna li l-Prim Ministru ma kellux jindaħal iħeġġeġ li maġistrata tgħaġġel tgħalaq l-inkjesta. Le, sur Vassallo, mhux meta dan il-każ kien daqshekk qiegħed joħloq kriżi fil-pajjiż, għan-nies u għall-amministrazzjoni barra dulur li familja ta’ Jean Paul li messet u ħawdet lil ħafna qlub fin-nazzjon. Barra minn hekk kien hemm il-fattur politiku fejn partit ħataf l-okkażjoni biex jirbaħ punti fuq partit ieħor billi juri ruħu b’mod mill-aktar pervers li l-umanità’ tiegħu tiżboq fuq dak li mistenni mis-saltna tal-liġi. Il-Prim Ministru setgħa żbalja li ma werriex bil-miftuħ dak kollu li kien lest jgħamel wara li l-inkjesta maġisterjali kienet titlesta u dan forsi għamlu tattikalment biex ikompli jħeġġeġ li l-inkjesta tingħalaq bla dewmin iktar. Allura minflok ħareġ jispelliha lill-pubbliku Joseph Muscat innifsu. Mela filwaqt li bis-saħħa kollha fiċ-ċirkustanża l-Prim Ministru qal lil qorti l-m’għanda jkollha l-ebda skuża ta’ tnikkir għax il-gvern ta ċekk miftuħ u kull riżors għal dan każ partikulari. Każ li sar prijorita’ fil-pajjiż, għax beda jdur f’bomba tal-ħin, kontra kif għidtilna int, sur Vassallo! Li nkixef li l-maġistrata talbet għal-estenzjoni ta’ lil Prim Ministru ċans biex jaqta’ l-wajer it-tajjeb u jwaqqaf il-bomba milli tisplodi. Barra li l-aġir ġdid tal-qorti għin biex il-Prim Ministru issa jgħażel li jpoġġi l-umanita’ tiegħu fuq quddiem nett u jgħati lil familja u lin-nazzjon ċans għal inkjesta pubblika.
    Li m’għetilnix , sur Vassallo kif taħsibha fuq l-għaġir ta’ Dr. Jason Azzopardi u fuq kull min prova jieħu rikba fuq il-mewta traġika ta’ żgħażugħ li misset jew ħawdet kull qalb sura f’dan in-nazzjon.

  2. Ta Miriam Pace hadet xahar u nofs.
    Din ilha 8 xhur u ma nafux kemm baqa.Hemm hi d-differenza Edwin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *