Il-U-turn tal-Prim Ministru hija sinjal ta’ dgħufija jew għaqal politiku?

Minn Edwin Vassallo

Il-U-turn li għamel il-Prim Ministru fil-każ Sofia jista’ jitqies kemm bħala nuqqas ta’ konsistenza politika u kemm bħala sinjal ta’ umilta’. Jekk dan jitqies bħala sinjal ta’ inkonsistenza politika jfisser li għandna Prim Ministru dgħajjef. Fi kliem ieħor, il-Prim Ministru huwa qasba tixxejjer mar-riħ. Min-naħa l-oħra, jekk dan jittieħed bħala sinjal ta’ umilita’, allura għandna Prim MInistru li qed jagħraf li jkun ħa deċiżjoni ħażina u nduna li seta’ jagħmel aħjar u b’hekk biddel il-fehma tiegħu biex jirkupra mill-iżball li għamel. Imbagħad hemm it-tielet triq, dik li din id-deċiżjoni tista’ titqies bħala konvenjenza politika.

F’dinja perfetta ma jgħix ħadd. Imma meta tanalizza lil Robert Abela bħala Prim Ministru, issa qed jindera l-fatt li bħala politiku dan kapaċi jagħmel u-turns biex jasal fejn irid. Xi drabi ngħid li veru huwa l-każ ta’ “the end justifies the means”. L-importanti li tasal u kif tasal ma jimpurtax. X’ħin ra li r-riħ tal-opinjoni pubblika qiegħed jonfoħ bil-kontra, il-Prim Ministru kien kostrett biex isib way out u għamel closure ta’ din l-issue u aċċetta li ssir l-inkjesta pubblika.

Ngħid closure tal-issue għaliex issa wara li aċċetta li ssir din l-inkjesta pubblika, dan il-każ huwa magħluq. Hawn tidħol il-mistoqsija mportanti. X’wassal lill-Prim Ministru biex ibiddel fehmtu? Għaliex ma ħax din id-deċiżjoni ġimgħat ilu? Kieku ħadha ġimgħat ilu, kieku din l-istorja ilha magħluqa.

Il-fatt li l-Prim Ministru talab apoloġija għaliex skont hu naqas li juri sensittivita’ dwar il-każ bħala ġenitur ifisser ukoll umilta’. Imma jfisser ukoll konvenjenza. Hu x’inhu l-każ, ma nistax ngħid għaliex ma nistax niġġudika biss fuq dak li jidher. Fuq kollox, ma nistax niġġudika l-intenzjoni. Dik Alla biss jista’ jagħmilha. Nixtieq ngħid li huwa każ ta’ umilta’ ġenwinija u ngħid hekk għaliex jekk hu każ ta konvenjenza, il-ġidba llum jew għada tfeġġ u l-verita’ dwar dan kollu tkun magħrufa xorta waħda.

Imma element ta’ konvenjenza f’dan kollu hemm. Wara l-protesta tal-bieraħ t’lura, il-Prim Ministru nduna li ma kellux triq oħra biex iġib fi tmiemha din l-istorja ħlief li jaċċetta li ssir din l-inkjesta pubblika. Jekk le, din l-istorja kienet ser tniżżlu magħha.

Kollox ma’ kollox, il-Prim Ministru ħareġ minn sitwazzjoni ta’ checkmate u sab closure tajba. Ħareġ minn sitwazzjoni problematika għal sitwazzjoni fejn il-każ issa jidher li huwa magħluq. L-akbar tagħlima minn din l-esperjenza hija waħda. Kemm neħtieġu nikbru fil-ħsieb u fil-mod ta’ kif nagħmlu l-politika. Il-Prim Ministru jeħtieġ jaħseb li mhux għaliex Prim Ministru, dak li jixtieq isir, ser jarah isir. Fuq kollox, il-Prim Ministru irid jieħu ħsieb jindokra ruħu mill-ħbieb tiegħu aktar milli jibża’ mill-għedewwa.

Għala qed ngħid dan? Għaliex hemm il-fattur Joseph Muscat. Hemm min jgħid li Joseph Muscat għadu jikkmanda fil-Partit Laburista. Jekk dan huwa minnu, allura Muscat qiegħed jagħti l-kambetti lill-Prim Ministru. Allura fil-gvern tal-Labour hemm problemi kbar. Imma minkejja dawn il-problemi, il-Prim Ministru Abela qed jirnexxielu jsib way out ta’ konvenjenza politika biex imewwet il-gambetti ta’ Muscat. Għalhekk lil Joseph Muscat ma’ jistax jafdah. Għalhekk irid jagħlaqlu l-ispazju miftuħ fejn jista’ jimrah.

Imbagħad hemm dawk li daru ma’ omm Jean Paul Sofia biex jieħdu vantaġġ minn fuq is-sitwazzjoni. Dawn ser ikunu dawk li għad jitilfu l-kredibilita’ tagħhom. Pero’ dik problema tagħhom stess.

F’din is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru ma’ jistax jidher li qiegħed jiddefendi lil min qiegħed jagħmel il-ħażin. Il-Prim Ministru ma jistax ikun mal-folla imma jrid jaħdem ‘il fuq mill-folla. Fuq kollox, bħala poplu jeħtieġ nitgħallmu li l-valur tas-solidarjeta’ veru jiswa’ mitqlu deheb. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru jrid jifhem li l-poplu jrid jgħix il-ħajja fil-milja kollha tal-umanita’ tagħha.

3 thoughts on “Il-U-turn tal-Prim Ministru hija sinjal ta’ dgħufija jew għaqal politiku?

  1. Fiċ-ċirkostanzi l-Prim Ministru għamel dak li kien mistenni minnu. Ara dwar in-nuqqas ta’ appoġġ mill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex flimkien mal-PM jappellaw lill-Prim Imħallef sabiex l-inkjesta maġisterjali tiġi konkluża kemm jista’ malajr b’mod konvenjenti ma’ semmejt xejn. Il-poplu ma jiġġudikax biss lill-gvern imma anke lill-oppożizzjoni u dan kien nuqqas min-naħa tagħhom. Urew b’mod ċar li kull ma’ kien jinteressahom biss x’ser jigwadanjaw politikament u mhux li finalment twassal għal ġustizzja. Naqbel perfettament mal-ex PM Muscat li l-ewwel kellha tingħalaq l-inkjesta maġisterjali u wara jekk ikun meħtieġ issir inkjesta pubblika. Il-PN ma kinux kuntent li m’għamlu u qalu xejn dwar l-inkjesta maġisterjali imma issa komplew għaxquna fejn talbu kif il-PM sar jaf li qed jintalbu l-estenzjonijiet mill-maġistrat u allura l-mottivi min-naħa tagħhom issa huma aktar ċar!!

  2. Prosit Edwin. Ma stajtx tikteb aħjar. Ħaġa waħda ma naqbilx miegħek li Joseph Muscat qiegħed jagħti xi kambetti lill-Prim Ministru! Joseph Muscat qatt ma ta gambetti lil ħadd u żgur u mhux forsi li, jekk jagħti xi parir lil Robert Abela l-aħjar parir jipprova jtih, għax inzertaw li t-tnejn li huma jħobbu lil pajjiżhom, u meta tkun tħobb lil pajjiżek ifisser li ġid biss tipprova tagħmel u mhux deni. Wara kollox Robert Abela żgur li jaf jiżinhom il-pariri!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *