Il-qbid tat-tonn fl-imgħoddi u l-abbużi li għad hemm f’dan is-settur.

Minn Sajjied II

Ħadt gost naqra x’kellu xi jgħid is-Sajjied dwar il-kwoti tat-tonn. Is-sewwa hu li l-gvern qed jilgħab bil-kwoti mal-Kummissjoni Ewropea. F’dan is-settur ma hemmx status quo kif forsi ta x’jifhem is-Sajjied. Is-sitwazzjoni llum marret għall-agħar. Il-verita’ hija li hemm min irid li l-affarijiet jibqgħu kif inhuma ħalli jkompli jiżdied l-abbuż. Għalhekk qed ngħid li s-sitwazzjoni marret għall-agħar. Fil-proċess, il-bwiet ta’ xi uħud qed ikompli jaħxinu. U għaliex qed ngħid hekk? Hemm raġuni storika għala illum ninsabu fejn ninsabu u ftit jafu biha. Din hija raġuni marbuta ma’ abbużi li kienu jsiru fil-qbid tat-tonn fl-imgħoddi.

U dan kif u għaliex sar?

Nibdew mill-ewwel sezzjoni, dik storika. X’kien jiġri fl-imgħoddi? Fl-imgħoddi ma kienx hemm kwoti. Imma s-sajjieda ma kienux jiddikkjaraw kemm kien jinqabad tonn biex jevadu t-taxxa. B’hekk kien jiġi ddikjarat ħafna inqas milli fil-fatt kien jinqabad.

Kien hemm ukoll ħafna abbużi oħra. Kien hemm xi sajjieda li kienu jdaħħlu tonn li kien jiġi mogħti lilhom minn purseseiners Taljani. Kien hemm sajjieda li saħansitra kienu jagħmlu ħsara fuq bastimenti tas-sajd (longline) Ġappuniżi u jisirqulhom it-tonn.

Meta bdejna resqin biex nidħlu fl-Unjoni Ewropea, bdejna nitkellmu fuq kwoti. Kien hemm min irrealizza u beda jiddikkjara u forsi anki ddikkjara aktar milli fil-fatt kien jaqbad. Imma baqgħu dawk li xorta ma ddikkjarawx kemm kienu jaqbdu tonn. B’hekk meta dħalna fl-Ewropa u ġiet assenjata l-kwota, din ġiet assenjata skont l-istatistika tal-gvern. U din il-kwota ġiet mogħtija lill-gvern Malti wara li l-gvern Malti għadda l-istatistika tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea risponsabbli mis-sajd. Imma finalment, illum din hija kwota tal-Unjoni Ewropea u mhux aktar tagħna.

Ġara li ġiet ikkreata konfużjoni sħiħa għaliex dawk li kellhom liċenzja għat-tonn u qatt ma qabdu xejn jew il-qbid iddikjarat tagħhom kien irrelevanti, flimkien ma’ dawk li kienu jdaħħlu tonn illegali, u dawk li kienu jisirqu t-tonn spiċċaw biex ħadu kwota. Fi kliem ieħor, min ma ddikkjarax il-qbid tat-tonn biex jevadi t-taxxa ħa kwota bħal ma ħa kwota min kien jisraq it-tonn!!

Ir-riżultat kien li ġie kkreat negozju marbut mar-risorsi tagħna bħala pajjiż. Ġiet maħluqa xibka ta’ korruzzjoni ddettata mill-ftit. U x’kienet l-intenzjoni sabiex ħafna min dawn l-uħud spiċċaw bi kwota relattivament għolja? Sabiex ikollhom ċans li jaħdmuha jew jagħmlu business minnha! Il-verita’ hija li kien hemm min kien moħħu biex jiġu aġevolati terzi li kienu sejrin tajjeb magħhom.

Imma hemm sajjieda ġenwieni li ma llum humiex komdi. Hemm min mexa mal-liġi u llum iħossu ttradut! Imma dawn is-sajjieda l-anqas għandhom il-kuraġġ jew aħjar jibżgħu jgħidu l-weġgħat li għandhom minħabba l-fatt ta’ kif saru dawn l-affarijiet.

Imma l-ikbar problema f’dan issettur tas-sajd tinsab fil-fatt li hemm persuni li qegħdin fit-tmun u dawn il-persuni ma jridux il-veru esperti fl-entourage tagħhom. Għandhom nies li f’inqas minn sena saru esperti tas-settur tas-sajd. Li kieku kienu veri esperti u nies tal-affari tagħhom, kieku l-mod ta’ kif jiġi mmaniġajt il-bycatch tat-tonn kien ikun differenti. Is-sena l-oħra, jiġifieri fl-2022, kien hemm abbuż kbir f’dan is-settur. Kien hemm nies li qalu li qabduh bil-bycatch meta dan ma kienx minnu. Il-liġi qed tinkiser b’appoġġ mill-awtoritajiet infushom.

Imma l-aqwa li nitkellmu dwar is-sostenibilita’ u din tiela’ u nieżla fuq fomm il-politiċi. Il-polz ma tridx tisimgħu mill-ftit li huma komdi imma trid tisimgħu minn dawk li spiċċaw twarrbu mill-partit li kienu jimmilitaw fih sa minn ġuf ommhom.

Meta nagħaġ jaraw l-ilpup iduru ma’ saqajn ċertu nies fil-ministeru tas-sajd, mhux biss jaħarbu imma jispiċċaw biex jintilfu!

One thought on “Il-qbid tat-tonn fl-imgħoddi u l-abbużi li għad hemm f’dan is-settur.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *