Il-każ Lara Boffa u l-manipolazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia dwar l-Electrogas
Minn osservatur politiku
Fl-aħħar dehra tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC), smajna referenza għas-Sinjura Lara Boffa. Kien Joseph Muscat stess li semmieha waqt li kien qed jagħti x-xhieda tiegħu quddiem dan il-kumitat.
Fil-fatt, Muscat qal li hu qatt ma tkellem ma’ Lara Boffa dwar id-deċiżjoni u l-vot li hija ħadet kontra l-kuntratt tal-Electrogas. Muscat ikkonferma li hu jafha b’mod soċjali, imma qatt ma kellimha fuq id-deċiżjoni tagħha li tivvota kontra dak il-ftehim.
Irridu nfakkru li Lara Boffa kienet l-uniku waħda fil-Board tal-Enemalta li vvutat kontra l-offerta tal-Electrogas.
Bilfors irridu nfakkru li l-istess Lara Boffa kienet ikkritikata ħafna mill-ġurnalista Caruana Galizia speċjalment meta kienet akkwistat xogħol mal-Malta Council for Science and Technology, dak iż-żmien immexxi minn Pullicino Orlando. Caruana Galizia, dak iż-żmien, kienet ikkritikat li Boffa kienet preferuta mill-Prim Ministru u mill-istess Chairman u ħadet il-job meta kien hemm ħafna iktar kandidati li kienu ta’ livell ogħla u aħjar minnha.
Din l-istess Boffa kienet għaddiet mill-għarbiel ta’ Caruana Galizia b’mod qawwi b’tali mod li l-ġurnalista għamlet minn kollox biex tpoġġi lil Lara Boffa fuq l-aġenda nazzjonali minħabba allegati manuvri u l-intriċċi magħmula, skont Daphne Caruana Galizia mill-istess Boffa.
Biss imkien Daphne Caruana Galizia ma qalet li din il-bniedma kienet l-uniku waħda li ma aċċettatx l-offerta tal-Electrogas u kellha l-gutz li tivvota kontra. B’dik id-deċiżjoni hija marret kontra kull politika tal-Gvern li dak iż-żmien kien qed jitħabat biex jara li l-offerta tal-Electrogas tkun dik preferuta.
Il-ġurnalista fuq din id-deċiżjoni b’saħħita u b’responsabilita’ kbira ma qalet xejn imma ppreferiet li toskura lil Boffa mingħajr ma tirrikonoxxi d-deċiżjoni, illum insejħula għaqlija, li din il-bniedma kienet ħadet.
Kien ikun aħjar li l-ġurnalista poġġiet għal informazzjoni ta’ kulħadd l-avveniment storiku li għamlet Boffa li marret kontra dak li xtaq il-Prim Ministru tal-ġurnata u sħabu.
Dan il-fatt ikompli jikkonferma l-mod manipulattiv li Daphne Caruana Galizia kienet twassal l-aħbarijiet tagħha.

>i\i<
Għalfejn kienet għaqlija d-deċiżjoni ta' Lara Briffa li vvutat kontra meta bis-saħħa tal-LNG għandna power stations li jħammġu ħafna inqas, jaħdmu iktar effiċenti u barra l-iktar ħaġa importanti, ilna issa s-snin nirċievu kontijiet irħas?