Jien irrid nibqa’ konsistenti.
Minn Edwin Vassallo
Jien inħossni moralment responsabbli li nuri l-verita’ kif inhi. Moralment nemmen li kull min qed jgħid li din il-liġi ma ddaħħalx l-abort qed jonqos milli jgħid il-verita’. Fit-totalita’ tal-fatti, din il-liġi hija l-ewwel pass. Dejjem kont tal-fehma li min kien ser jinnegozja mal-gvern il-proposti alternativi, ma kellux ikun kompliċi fid-dħul tal-abort f’pajjiżna. Jiddispjaċini ngħid li fil-verita’, dan hu dak li ġara.
Mhux ser nagħmel bħall-esperti u nitlob lil kulħadd biex jafdani. Jien ma rrid li nżomm lil ħadd milli jaħseb b’moħħu jew kif irid. Kull ma nitlob huwa li kulħadd jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Ma għandi l-ebda egoizmu intellettwali li rrid niddefendi. Jien nibqa’ konsistenti mal-argumenti u l-prinċipji tiegħi li dejjem kelli. L-argumenti li qed nagħmel illum huma l-istess argumenti li għamilt kif dehru għall-ewwel darba l-proposti tal-esperti. Għalhekk jien nibqa’ nżomm mal-prinċipji tiegħi. Għalhekk jien nibqa’ konsistenti, anki jekk id-dinja ma taqbilx miegħi. Għalhekk nibqa nsostni li
- L-abort huwa l-qtil ta’ persuni innoċenti.
- Din il-liġi (jew aħjar amendi) qatt ma kellna bżonnhom.
- Qatt ma kellna nbexxqu l-bieb għall-abort.
- Ma għandniex bżonn dawn l-emendi biex nieħdu ħsieb is-saħħa tal-omm.
- Dawn l-emendi huma ambigwi u saru biex joħolqu inċertezzi legali ħalli min irid jipprattika l-abort ikun jista’ jagħmel dan.
- Għalhekk jekk verament irridu nkunu kontra l-abort, dawn l-emendi fil-liġi għandhom ikunu “deleted” u nerġgħu lura għal-liġi tal-abort kif kienet oriġinarjament.
- Minflok dawn l-emendi, ikun hemm protokol mediku li jsegwu t-tobba fejn l-omm tingħata dejjem priorita’.
Iżda ladarba ddaħħlu dawn l-emendi bil-kompliċita’ tal-kurja, tal-esperti u tal-oppożizzjoni u għandna din il-ligi li hi dik li hi, issa lkoll irridu nerfgħu r-responsabbilita’ tagħna u nifhmu f’liema periklu u vulnerabilita’ ta’ riskju poġġejna t-tarbija fil-ġuf fiha.
Ejjew nkunu moħħna u għajnejna miftuħa kontra kull min jipprova juża din il-liġi biex finalment iwettaq abort mhux għaliex ikun qiegħed jikser il-liġi iżda biex f’pajjiżna l-abort ma jsirx parti mil-logika u rraġunar tal-ġenerazzjoni li tiela’ u jibdew jaħsbu, bħal ma ġara fid-divorzju u fid-droga, li ma jkunux jistgħu jgħaddu mingħajrhom.
Fuq dak li rajna din il-ġimgħa fil-każ ta’ Jean Paul Sofia (Rip), osservajt li dan il-proxxmu li kellu wiċċ, ġuvni magħmul u nafu min huma l-ġenituri tiegħu ma kienx hemm ħniena għalihom u ma saritx ġustizzja magħhom, aħseb u ara kemm ser jiddefendu lil trabi mhux imwielda!
Dan li ġara din il-ġimgħa għandu jiftħilna għajnejna dwar kollox, li dan il-gvern mhux qiegħed hemm biex juri ħniena mal-popolin komuni imma qiegħed hemm biex jakkwista għalih innifsu u tal-qalba.