Għadni ma nistax nifhem għala l-esperti spiċċaw jiġbdu l-karru ta’ dan il-gvern biex jiddaħħal l-abort f’Malta

Minn Edwin Vassallo

Illum meta nħares lejn dak kollu li ġara, għadni ma nistax nifhem kif min kellu jkun daqshekk kontra dawn l-emendi spiċċa kompliċi magħhom. Kompliċi u jifraħ li huwa kompliċi. Mhux ser insemmi lill-Partit Nazzjonalista jew nagħmel mistoqsijiet lilu kif għamilt f’artiklu separat lill-kurja tal-arċisqof Scicluna. IlPartit Nazzjonalista narah jagħmel kull ma jista’ biex jivvotta mal-gvern filwaqt li bħala partit rabat il-karru tiegħu ma’ tal-esperti u qatt ma ħaseb kif politikament jista’ jkun tassew oppozizzjoni u jgħid il-verita’ dwar dawn l-emendi. Imma ma nistax nifhem kif dawn l-esperti li proponew emendi tant differenti, f’daqqa waħda qablu mal-emendi tal-gvern. Ma nistax nifhem x’hemm involut biex tant forzi li huma fil-kuxjenza tagħhom kontra l-abort, spiċċaw għamlu u-turn u qablu mal-emendi li finalment bexxqu l-bieb jew aħjar daħħlu l-abort f’Malta. Għaldaqstant, għaliex dawk li tant ġabru firem, qed ikantaw rebħa meta jien nistenna li quddiem dawn l- emendi jkantaw “telfa”?

Jien ma nistenniex li l-media dipendenti fuq il-gvern, li hija media woke, liberali u parti mill-establishment ser tagħmel dawn il-mistoqsijiet, iżda filwaqt li nifhem li l-kuxjenza politika illum ċediet għar-rebħ tal-voti akkost ta’ kollox, ma nistax nifhem kif il-kurja, il-pro-life u l-esperti quddiem emendi xejn ċari, ambigwi, ser joħolqu konfuzjoni u jippermetu l-abort bil-moħbi jew bl-apert. Dawn kollha ħarġu jgħidu “rebħet il-ħajja” u sorprendew lill-istess gvern li waqt l-istess konferenza stampa l-ministri tal-gvern waqt li kienu qed jitkellmu kienu diġa qed jaħsbu li jitkellmu biex jirrispondu lil min seta’ jkun kontra dawn l-emendi. Infatti filwaqt li l-ministri kienu aggressivi fil-preżentazzjoni tal-emendi, dawk li kienu mistennija mill-istess ministri li jkunu kontra spiċċaw qablu u jkantaw l-innu tar-rebħa. Dan għalija għadu misteru.

Għalhekk għadni ma nistax nifhem kif u għaliex l-esperti, il-kurja u l-pro-life kollha kantaw rebħa meta ma kellhomx biex. Għalija din hija xi ħaġa stramba. Tonio Fenech stess qal fuq ir-radio tal-knisja li ma kienux jafu x’ fihom l-emendi. Mela għaliex ċedew daqshekk malajr?

Il-fatt jibqa’ li skont dawn l-emendi, it-tobba jistgħu jintervjenju fuq mara tqila anki jekk ma tkunx fil-periklu tal-mewt. Din il-liġi tagħti spazju għal din l-interpretazzjoni. It-tobba jistgħu jiġġustifikaw l-abort. Ara dwar din il-procedura u dan il-fatt, ir-radio tal-knisja ma qed jagħmel l-ebda referenza, u wisq anqas dawk li qed ikunu mistiedna fuqu biex jitkellmu fuq din il-liġi.

Mela l-mistoqsija tibqa’. Għaliex emendi b’interpretazzjoni daqshekk wiesa’ spiċċaw jintgħoġbu u maqbula minn dawk tal-Pro-life, l-esperti u l-kurja? Din hija l-mistoqsija sempliċi li qiegħed nitlob tweġiba għaliha.

2 thoughts on “Għadni ma nistax nifhem għala l-esperti spiċċaw jiġbdu l-karru ta’ dan il-gvern biex jiddaħħal l-abort f’Malta

  1. Edwin Vassallo jtemm l-artiklu hekk:
    “Mela l-mistoqsija tibqa’. Għaliex emendi b’interpretazzjoni daqshekk wiesa’ spiċċaw jintgħoġbu u maqbula minn dawk tal-Pro-life, l-esperti u l-kurja? Din hija l-mistoqsija sempliċi li qiegħed nitlob tweġiba għaliha.”

    Forsi għax dawn kollha rrealizzaw li l-Gvern daqq irtirata kbira u, flok daħħal l-abort kif kien daħal l-Ingilterra, bidel kollox u issa kiteb fil-liġi l-prattika li dejjem kien hemm, anzi webbisha għax issa jrid ikun hemm tliet speċjalisti li jaqblu, mhux wieħed bħalma kienet il-prattika.

    Din hi t-tweġiba.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *