Il-kurja u l-media tal-knisja tkompli bil-propaganda tagħha favur l-abort

Minn Edwin Vassallo

Għadni ma nistax nifhem għala dan il-biża’ kollu biex insejħu lil din il-liġi dak li hija. Din hija liġi li biha ddaħħal l-abort f’pajjiżna. Għala l-Knisja qed nibża’ tgħidu l-verita’? Issa l-esperti, il-kurja u l-PN qed idoqqu l-istess diska tal-gvern u qed jgħidu li rebħet il-ħajja meta kull min jaf il-verita’ jaf li dan huwa ingann. Il-mistoqsija tiegħi lill-kurja, lill-esperti, lill-pro-life u lil dawk kollha l-ħarġu jgħidu li rebħet il-ħajja hija din. Għala qed jgħidu hekk meta jafu u dan jista’ jarah kull min jaqra l-emendi issa approvati li;

1. Mhux veru li ġew iċċarati l-prattiċi wżati s’issa għaliex issa b’dawn l-emendi hemm aktar nuqqas ta’ ċarezza u ambigwita’ dwar il-proċeduri li għandhom ikunu wżati fil-mediċina f’każ li l-mara jkollha diffikultajiet u l-omm tkun fil-periklu tal-ħajja milli kien hemm qabel. Qabel ma kienx hemm ambigwita’. Issa din l-ambigwita’ teżisti. Dwar din l-ambigwita’ li qed joffru dawn l-emendi qatt ma nisimgħu xejn min-naħa tal-kurja u tal-Arċisqof Scicluna.

2. Għall-kuntrarju ta’ dak li talbu l-esperti, dawn l-emendi fihom taħlita sħiħa ta’ prinċipji li huma ferm il- bogħod minn dawk li kienu mitluba minnhom. Il-poplu ntalab mill-esperti biex jiffirma petizzjoni prinċipji li issa ġew kollha miċħuda minn dawn l-emendi. Dawn l-emendi huma ferm il-bogħod minn dak li l-poplu iffirma fil-petizzjoni dwarhom. Minkejja din id-differenza, l-esperti, il-kurja u l-pro-life ħarġu jkantaw rebħa meta fil-fatt lanqas tista’ tgħid li b’dawn l-emendi ġew “draw”.

3. Jekk tħares lejn il-ligi tara li l-gvern inkluda żewġ prinċipji flimkien jiġifieri żamm il-prinċipju tiegħu u inkluda dak tal-esperti, tal-kurja u tal-Pro-life. Għalhekk fil-liġi għandna miktubin kemm il-prinċipju tal-periklu għas-saħħa u l-periklu tal-ħajja. Dan il-gvern għamlu bl-użu tal-verb “jistgħu” jkunu fil-periklu għall-ħajja. Din il-kelma “jistgħu” ma hija ċara xejn. L-użu ta’ dan il-verb hu maħsub biex joħloq inċertezza u jħalli din il-liġi miftuħa għal kull tip ta’ interpretazzjoni tat-tobba li jkunu jridu jagħmlu wżu minn din il-liġi.

4. Illum min-naħa tal-kurja, min kien tant qed jimbotta l-prinċipju tal-knisja għall-każijiet ta’ tqaliet diffiċli, jiġifieri dak magħruf bħala tad-double effect issa donnu aċċetta l-kompromess u l-kurja wriet sodisfazzjon li ntlaħaq qbil fil-prinċipju anki jekk dan kien kontra l-prinċipju originali li l-istess kurja kienet tkellmet dwaru u jmur kontra dak li tgħallem il-knisja fir-rigward tal-prinċipju tad-double effect. Il-mistoqsija kbira tiegħi hija din. X’wassal biex il-kurja spiċċat kompliċi ma’ dawn l-emendi li fil-prinċipju huma kontra d-duttrina tal-istess Knisja?

5. Fil-liġi wieħed jsib miktub il-kliem “komplikazzjoni medika”. L-esperti kienu pproponew il-kliem “saħħa fiżika” u dan sar biex ikun eliminat li l-abort isir biex isolvi problemi ta’ saħħa mentali. Il-gvern fil-liġi jikteb iżda l-kliem “komplikazzjoni medika”. Dan huwa kliem ambigwu li joħloq inċertezza kbira. Il-kliem “komplikazzjoni medika” ma jeskludix “saħħa mentali”. Kollox hu miftuħ għall-interpretazzjoni tat-tabib. Minkejja dan l-esperti, il-Pro-life u l-kurja ħarġu jgħajtu li rebħet il-ħajja.

6. Fir-rigward ta’ meta u kif tabib jista’ jieħu d-deċiżjoni waħdu meta l-omm hija f’periklu immedjat huwa suġġett għall-interpretazzjoni. Skont l-interpretazzjoni tal-gvern, din għandha tittieħed biex l-omm ma tkunx fil-periklu tal-mewt. Din hija l-klawsola li tista’ toffri lit-tabib jew tobba biex jieħdu deċiżjoni fuq livell personali u hawn fejn ser ikun ipprattikat l-abort. Din mhix deċiżjoni marbuta ma’ dak li l-knisja tgħallem fir-rigward tad-double effect. Dwar dan il-fatt, tal-‘pro-life, l-esperti u l-kurja ma qegħdin jgħidu xejn. Huwa biss fejn ma hemmx periklu immedjat li jistgħu jkunu tliet tobba. Imma anki hawn, x’jiddetermina periklu immedjat? Kollox hu suġġettiv għall-interpretazzjonijiet individwali. Fuq kollox, imkien ma joħroġ mil-liġi li t-tobba jew tabib għandu xi obbligu li jirreġistra l-intervent mediku tal-hekk imsejħa terminazzjoni tat-tqala. B’hekk hemm loophole li jsiru interventi mediċi biex isolvu kas ta’ “periklu immedjat” meta fil-verita’ kull ma jkunu qed isiru huwa biss interventi abortivi. Dwar dan ħadd mill-esperti u l-kurja ma qiegħed jgħid xejn. Daqs li kieku din il-possibilita’ fl-interpretazzjoni ma teżistix.

7. Għaliex ir-radio tal-knisja qed jirreferi għal din il-liġi bħala liġi li twassal għat-terminazzjoni tat-tqala meta l-istess liġi hija ligi tal-abort? Hawn nistaqsi għaliex il-kurja u l-ġurnalisti tagħha, l-esperti u l-pro-life li tant ħadmu kontra l-abort issa qed jaħdmu biex jaħbu din l-ambigwita’ fil-liġi u qed jagħmlu kull sforz biex jużaw personalitajiet u eks-politiċi Nazzjonalisti biex jisħqu li b’din il-liġi ma ddaħħalx l-abort f’Malta?

Il-Malti jgħid li l-ħuta minn rasha tintenn. U verament dan hu l-każ f’dak li qed jiġri madwar din il-liġi tal-abort.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *