Ta’ Steward tilfu kawża oħra: din id-darba biex ma jħallsux 36.8 miljun f’VAT lill-Gvern Malti

Minn osservatur politiku

Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar nies qed jirrealizzaw kemm kienet effettiva s-sentenza li ngħatat mill-Imħallef Depasquale għall-kawża li kien fetaħ Adrian Delia dwar it-tliet sptarijiet. Għadna kif rajna ftit tas-siegħat ilu li Steward tilfu l-kawża li fetħu dwar il-VAT li għandhom iħallsu lill-Gvern. Dawn qatt ma ħallsu ċenteżmu mill-2018 ‘l hawn u tellgħalhom kont ta’ kważi 37 miljun ta’ euro.

Meta fetħuha din il-kawża Steward? Dawn fetħu l-kawża tagħhom ftit ġimgħat (xahar) wara li l-Imħallef ta s-sentenza tiegħu. Mela din il-kawża, dwar il-VAT li jrid jitħallas, infetħet b’effett tas-sentenza li ngħatat għal kawża ta’ Adrian Delia. Dawn kellhom jiftħu din il-kawża wara li rrealizzaw li ma jistgħux issa jibqgħu jinnegozjaw mal-Gvern biex forsi jiġu aġevolati minn xi arranġament li setgħu jagħmlu mal-istess Gvern.

Forsi kienu qed jaħsbu li din is-somma ta’ miljuni setgħet titnaqqas jekk mhux ukoll tisparixxi totalment kif sar meta kellhom bżonn ta’ garanzija bankarja li daħal għaliha bank lokali. Jista’ jkun li seta kien hemm arranġament biex jitnaqqsu dawn it-taxxi bħal ma saret l-ittra biex jittieħdu mitt miljun euro jekk tieqaf il-konċessjoni. Imma grazzi għall-kawża li rebaħ Adrian Delia dawn il-kondizzjonijiet waqgħu mal-ħruġ tas-sentenza.

Meta ta’ Steward semgħu s-sentenza ma kellhomx triq oħra ħlief li jirrikorru għall-qrati jekk iridu jippruvaw jakkwistaw xi ħaġa minn għand il-Gvern. Wara s-sentenza l-affarijiet tbiddlu u saru totalment differenti għax il-Gvern ma setgħax jibqa’ jinnegozja jew jiddiskuti ma’ Steward. Mela la kollox kien spiċċa u l-isptarijiet reġgħu lura għand il-poplu Malti, Steward ma kien għad fadallhom l-ebda saħħa politika biex jippruvaw jakkwistaw xi ħaġa mingħand il-Gvern.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *