Deputati Nazzjonalisti mhux qed jieħdu gost b’dak li qed jikteb Edwin Vassallo f’dan is-sit.

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qasam ftit ħsibijiet ma’ dan is-sit dwar dak li xi deputati Nazzjonalisti qed jgħidulu fuq l-artiklli li qed jikteb fuq dan il-blogg. Waqt li żamm l-ismijiet fl-anonimat, Edwin Vassallo qal li wieħed mill-kummenti li sarlu minn deputat Nazzjonalista kien dan:

Imma mbagħad inti tikkollabora ma’ min jiddefendi l-mafja, u għal dik ok. Jieqfu l-valuri hemm“.

Fi kliem ieħor, għal dan id-deputat, dan is-sit qiegħed jiddefendi l-mafja għaliex qed jikxef u jgħid l-affarijiet kif inhuma. Min-naħa tiegħu, Edwin Vassallo ta r-reazzjoni tiegħu għal dan il-kumment. Hu qal li

meta nisma’ kliem bħal dan inħoss ir-rabja ġewwa fija. Illum l-2023 qed nisimgħu tant diskorsi fuq il-liberta’ u tant diskorsi fuq l-ugwaljanza, iżda fil-Partit Nazzjonalista bqajna bil-loġika li jekk ma taqbilx miegħi, nara kif neqirdek minn wiċċ id-dinja. Hawn qed nitkellmu fuq kumment magħmul minn deputat li qed jaspira li meta l-PN ikun fil-gvern, dan ikun ministru, jekk mhux ukoll il-kap tal-Partit Nazzjonalista.

Huma dawn it-tip ta’ deputati li ser iħallu lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni. In-nies huma mxebbgħin mill-gvern tal-Lejber imma hemm biża’ konkreta li jekk dawn in-nies imorru fil-gvern, ħlief vendikazzjonijiet ma jagħmlux. Il-votant Malti jibża’ minn dawn in-nies li jitkellmu hekk fuq dawk li ma jaqblux magħhom. Għalhekk anki jekk taħt dan il-gvern kollox sar flus u flus kbar, u fejn jidħlu l-flus tidħol l-arroganza, iżda għal xi uħud fil-PN, l-arroganza ġa tinsab hemm bla ma għandhom l-anqas il-poter. Miskin iż-żgħir li ser jitgħaffeġ taħt il-piż tal-arroganza, meta dawn in-nies ikunu fil-gvern.”

Edwin Vassallo kompla jispjega li huwa jikteb fuq dan is-sit anki jekk għal xi uħud fil-PN, Simon Mercieca sar persuna tat-tliet klassi. Huwa kompla jgħid li darba deputat ieħor Nazzjonalista qallu “ma jixraqlekx tidher ma’ Simon Mercieca“. Daqs li kieku f’dan il-pajjiż hawn persuni li jixraqlek nkun magħhom u oħrajn le! Imma l-isbaħ l-akkuża li dan is-sit jiddefendi l-mafja. Dan is-sit jistaqsi biex toħroġ verament il-verita’ għaliex kif qal Kristu, il-verita’ teħlisna (Ġwanni 8 : 32). Fejn hi l-liberta’ tal-espressjoni li tant iġġieled għaliha l-PN fit-tmeninijiet? Fejn hu dritt tal-ġurnaliżmu indipendenti u ħieles minn kull irbit politiku li tant iġġieled għalih il-Partit Nazzjonalista? Edwin Vassallo kompla jgħid lil dawn id-deputati:

put your house in order. Għandkom ħafna nies li għad għandhom fiduċja fikom. Araw li tkunu worthed ta’ dik il-fiduċja li qed jagħtukom dawn in-nies għaliex anki din ser titilfu. Istmaw ir-relevanza ta’ min jara l-affarijiet differenti minnkom.

Kunu onesti u umli jekk tridu tirbħu l-fiduċja tal-ħafna. Tibqgħux il-partit tal-mibgħeda lejn min ma jaqbilx magħkom. Jien nikteb biex forsi nara lill-PN jerġa’ lura għal dak li l-fundaturi tiegħu rieduh ikun. Warrbu r-rabja u l-mibgħeda li għandkom f’qalbkom. Neħħu kull sens ta’ superiota’. Dik hija kollha arroganza u minn dik l-arroganza hemm ħafna fil-gvern tal-ġurnata. Għalhekk intom ma għadkomx tintgħarfu minn dan il-gvern. Għalhekk meta tikkritikaw lill-gvern minħabba l-arroganza, kliemkom qed jaqa’ fuq widejn torox. Tridu taraw li twarrbu u ġġibu fix-xejn l-arroganza li hemm ġewwa fikom.

Dan għandu jkun l-akbar proġett politiku għall-PN. .Jekk mhux ser tagħmlu hekk, jekk mhux ser tagħmlu bidla sħiħa fl-atteġġjament tagħkom lejn in-nies, il-poplu ser jagħmel il-bidla tiegħu. Intom mhux ser tibqgħu dak li kontu, imma ser tisparixxu. Il-poplu mhux ser itella’ fil-gvern partit li l-unika skop tal- eżistenza tiegħu hija r-rabja u l-mibgħeda.

F’idejkom il-ġejjiieni tal-PN. Jekk tridu li l-poplu jagħtikom futur, tridu temendaw il-preżent” għalaq il-ħsibijiet tiegħu Edwin Vassallo.

One thought on “Deputati Nazzjonalisti mhux qed jieħdu gost b’dak li qed jikteb Edwin Vassallo f’dan is-sit.

  1. Ezatt ekk ghmlulek lijlek cisan. Dabrulek rasek il-barra, il-problema hi li anke il-votanti qablu mghahom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *