Il-kondizzjonijiet tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna.

Minn osservatur poltiku

L-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet tal-propjeta huma żewġ fenomini li qed joqorsu lil ħafna Maltin u Għawdxin. Li qed jogħlew il-prezzijiet ta’ affarijiet ta’ kuljum qed iġiegħel lill-maġġoranza tal-poplu joqgħodu attenti kif ser jonfqu flushom biex ikunu jistgħu iwasslu sal-aħħar tax-xahar. Imma f’pajjiżna jeżisti settur mill-ħaddiema li qed ibatu iżjed minn oħrajn.

Qed nirreferu għall-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi. Taqra u tisma’ kif il-pagi li jingħataw huma tat-twerwir u huma indikazzjoni ċara li dawn ma jistgħux iwasslu sal-aħħar tax-xahar. U għalhekk naraw ritratti ta’ appartamenti fejn jgħixu għexieren ta’ ħaddiema. Din il-miżerja ma tirriflettix tajjeb fuq pajjiżna. Bħala poplu qatt ma ħqarna lil min jiġi biex jgħina. U rridu nammettu li dawn il-ħaddiema qed jiġu Malta biex jagħmlu xogħol li l-Maltin u l-Għawdxin ma jridux jagħmlu. Mela sa ċertu pont dawn qed jagħtu servizz lil pajjiżna u ta’ dan għandna nkunu onesti li nħallsuhom sura ta’ nies. Ma jistax ikun li għax jiġu biex jagħmlu ċertu tip ta’ xogħol aħna nistmawhom ta’ skjavi.

Dan l-atteġjament qed jaqta’ qalb iż-żgħażagħ tagħna. Meta jaraw din l-iskjavitu ma jistgħux jagħmlu kuraġġ li f’pajjiżna hawn futur u ma tagħtihomx tort li l-maġġoranza tagħhom qed jaħsbu biex jagħmlu futur aħjar f’pajjiżi oħra. L-eżempju ikaxkar u mhux sew li ftit nies qed jippruvaw isiru sinjuri malajr minn fuq dawn il-ħaddiema u qed jagħsruhom b’kull mod possibbli. Qrajna kif qed jinkrew is-sodod. Ma għadhomx jinkrew bl-appartamenti. Saru jinkrew bil-kmamar. Imma aktar agħar, għax in-numru qed jiżdied, issa qed jinkrew bis-sodod. Ma titwemminx imma veru, issa anke s-sodod saru jinkrew bil-ħin. Tmien siegħat kull darba u warrab ħa jidħol jorqod ħaddieħor.

Huwa dan il-pajjiż li rridu ngħixu fih? Huwa f’dan l-atteġjament li ser inrabbu lil uliedna? Dan huwa l-eżempju li qed jagħti l-Malti, magħruf għal qalb tajba u ħanina tiegħu? Hija din l-atmosfera tal-bliet u l-villaġġi tagħna li rridu nterqu fihom ta’ kuljum? Ma naħsibx li dan huwa l-eżempju tajjeb li qed nagħtu lil uliedna. Irridu niftakru li dawn il-ħaddiema li qed jiġu bil-permess tax-xogħol resqu lejn pajjiżna bit-tama li jkollhom għejxien diċenti fejn jgħinu lilhom infushom u lill-familji tagħhom li baqgħu f’pajjiżhom.

Ma jistax ikun li nittrattaw lil dawn il-ħaddiema li ġew jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna qishom xi importazzjoni ta’ oġġett. Dawn huma umani bħalna u jixraqilhom kull dehen. Hemm bżonn li pajjiżna jagħmel eżami tal-kuxjenza kbira u jirrifletti fuq l-atteġġjamenti tagħna. Hemm bżonn li nnaqsu l-keffrija li qed nuru. Hemm bżonn li tidħol id-dixxiplina u jieħu dak li ħaqqu kull min jaħqar bnedmin bħalu. Hemm bżonn li dawn il-cowboys sfruttaturi jiġu mwaqqfa u mrażżna. Dawn mhux qed jirriflettu l-karattru Malti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *