In-nylon użat fil-qbid tal-lampuki: wasal iż-żmien li jinsab użu alternattiv.

Minn Sajjied II.

Qed nieħu gost naqra x’inhu jikteb sajjied dwar l-industrija tas-sajd u anki ngħid proset lil dan is-sit li qed jitkellem dwar din l-industrija li ħadd ma għadu jitkellem dwarha. Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex nitkellem dwar poblema li ilha magħna fil-qasam ambjentali.

Kulħadd jaqbel li l-plastik fil-baħar jagħmel ħafna ħsara lill-ambjent. Nisimgħu ħafna biex ma narmux plastik fil-baħar u anki kampanji jsiru biex jinġabar il-plastik minn qiegħ il-baħar. Il-plastik ma hux biodegradable. Għalhekk jibqa’ fil-baħar u jdum is-sekli sakemm jiddisintegra ruħu.

Dalwaqt jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-lampuki. Hawn għandha użu qawwi ta’ plastik li qed jintefa’ fil-baħar. Qed nitkellem fuq in-nylon li jintuża fuq il-kannizzati tal-lampuki. Dan jiġi mormi mal-kannizzati f’qiegħ il-baħar. Jibqa’ fil-qiegħ għaliex ikun marbut mal-ġebel. Din hija problema ambjentali li fuqha għadu ma sar xejn. Din il-problema kienet diskussa fil-passat. Saru ħafna laqgħat imma qatt ma wasslu għall-imkien. Ma niddejjaq xejn ngħid li dawn il-laqgħat ilhom għaddejjin is-snin.

Qatt ma wasalna għall-imkien, imma dan mhux tort tal-gvern biss. Kif għidt, dawn il-laqgħat u d-diskussjonijiet fuq din il-problema ilhom għaddejjin snin taħt gvernijiet differenti. Imma l-ikbar għadu f’dan il-każ huma s-sajjieda stess. Fuq din il-kwistjoni kien hemm resistenza kbira minn xi sajjieda. Infatti l-ikbar resistenza ġiet mill-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd għaliex kien hemm min kellu interess li l-affarijiet jibqgħu kif inhuma.

Wieħed jieħu gost jara li l-għarfien tal-ħsara li l-plastik qed jagħmel fil-baħar qiegħda tikber. Fid-dinja għaddejjin diskussjoni dwar dan. Fuq kollox, il-bniedem qed isir konxju li dan hu fl-interess tiegħu għaliex il-microplastic jagħmlu ħsara anke lilu. Imma aħna, hawn f’Malta, ma rridu nagħmlu xejn. Qiesu kulħadd jibża’ jieħu azzjoni li finalment hija għall-ġid tal-ambjent.

Fl-imgħoddi mhux imbiegħed, l-irkapti għas-sajd kienu kollha magħmula minn materjal degradabbli u naturali. Sal-bidu tas-snin sebgħin, jiġifieri qabel ma beda dieħel l-użu tan-nylon fis-sajd, dak li jissejjaħ l-irkapti għall-kannizzati kienu kollha ta’ materjal degradabbli u naturali. Dak iż-żmien, iċ-ċimi kienu jkunu magħmula minn materjal degradabbli. Illum iċ-ċimi jissejħu floats. Il-floats kienu magħmula mis-sufra jew cork bl-Ingliż. Mela dawk kienu ukoll magħmula minn materjal biodegradabbli. Il-kalamenti kienu wkoll magħmula minn materjal degradabbli. Għal dawk li jinteressaw ruħhom f’dan is-suġġett, dawn jissejjħu komandu. Il-materjal taċ-ċimi kien ġej mill-ħaxixa jew “hemp’ jew sisal. Bastiment armat kien ikollu bejn sebgħin u mitt ċima jew kannizzata minn dawn.

Fil-bidu tas-sebgħinijiet feġġ dak li aħna f’Malta ngħidulu l-jablo, jew aħjar il-polystyrene. Dan ħa post is-floats magħmula mill-sufra. Fuq kollox, dan kien jinġabar b’xejn. B’hekk dan ingħaqad man-nylon. Bħan-nylon, il-jablo kien komdu u ferm orħos jew mhux ukoll b’xejn. Bdiet ukoll l-era ta’ mijiet ta’ kannizzati.

Fejn wasalna illum? Illum għandna bastimenti taħt it-tnax-il metru u dawn jarmu sa erba’ mitt 400 ċima. Ma hemm kontrolli ta’ xejn. Kulħadd jagħmel li jrid. Tunellati ta’ nylon niżel fil-qiegħ tal-baħar u dan ħsara irreparabbli qed jagħmel lill-ambjent u lis-sajd. Id-Dipartiment tas-Sajd huwa passiv u bla direzzjoni fuq dan il-każ. Xi drabi tingħata l-impressjoni li huwa l-istess Dipartiment tas-Sajd li qiegħed jinkoraggixxi dan kollu.

Id-Dipartiment tas-Sajd irid jieqaf jinħeba wara xi direttiva maħruġa mill-GFCM.  Għall-istess ġid tas-sajjieda, id-Dipartiment tas-Sajd jrid jgħid il-verita’ kollha u jibda jitkellem dwar il-ħsara li qedha ssir lill-ambjent minħabba dawn il-prattiċi ħżiena. Biżżejjed il-ħut li jintrabat ma’ dawn l-eluf ta’ kilometri ta’ nylon mitluqa fil-qiegħ tal-baħar. Malta spiċċat xibka sħiħa imdawra b’dan in-nylon. Skont stħarriġ xjentifiku dan in-nylon għandu sa 400 mitt sena sakemm jiddistintegra.

Mela waqt li l-antenati tagħna kienu jużaw materjal biodegradabbli, aħna li suppost għandna għarfien u skola aktar minnhom, morna lura u mhux ‘il quddiem. Illum ikolli ngħid li l-antenati tagħna kienu sajjieda ta’ veru.

Sabiex inkompli fuq ħsarat li jista’ jagħmel jew qed jagħmel dan l-użu tan-nylon, kultant jinqatgħa mill-qiegħ.  Dan jitla’ f’wiċċ il-baħar u jkun ta’ periklu għat-tbaħħir. Jekk jinqabad fl-iskrejjen, il-ħsarat jkunu akbar.

Mela wasal iż-żmien biex id-Dipartiment tas-Sajd jagħmel management plan ta’ kif jista’ jkun hemm diversifikazzjoni tal-attivita’ tas-sajd għal-lampuki b’sistemi differenti mingħajr ma nibqgħu nagħmlu dan l-isfregu. Il-passivita’ biex nibqgħu kif aħna ħsara biss qed tagħmel lill-ambjent. Kull sajjied serju jafu sew dan. Imma l-kilba ta’ min jaħtaf l-aktar qed tagħmel il-ħsara u hija ħasra li dawn huwa l-leħen li jirbaħ meta niġu fuq livell ta’ gvern.

Hemm min għandu interess li l-affarijiet jibqghu kif inhuma jekk mhux wkoll irid jagħmilhom agħar. Ta’ dan kollu, għad irridu mpattu għalih. Għad tiġi tagħna wkoll u meta tiġi jkun tard wisq. Għalissa, naħbu u nipposponu, l-aqwa li l-ħażin jibqa’ jirrenja.

Waqt li huwa importanti li wieħed jikkritika lill-gvern ħalli l-affarijiet jmorru għall-aħjar, wieħed irid wkoll jistaqsi kemm is-sajjieda lesti jkunu responsabbli u jagħmlu l-parti tagħhom ħalli l-ambjent tal-baħar, li finalment huwa l-post minn fejn iridu jiekol, imur ‘l quddiem u mhux lura.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *