Il-Politika ta’ Konvenjenza tal-PN

Minn Edwin Vassallo

Meta d-differenza bejn żewġ partiti tkun tidher, dan ikun ifisser li hemm ħsieb u hemm politika differenti. Illum kull ma jmur, din id-differenza qed tispiċċa. Il-kapaċita’ tal-ħsieb kritiku qed tgħib. Id-differenza bejn il-PL u l-PN qed tkompli tonqos. Dan huwa fatt.

Bil-vot tiegħu dwar il-liġi tal-abort, il-PN ikkonferma li ma għandux ideoloġija differenti mill-Partit Laburista. Il-PN ivvota favur din l-emenda biex ma jħallix il-Labour jagħmilha waħdu. Illum dak li hu ta’ valur għal-Labour, sar ta’ valur għall-PN.

Donnu fejn jidħlu l-liġijiet dwar dawk li x-Xellugin iħobbu jsejħulhom tal-libertajiet ċivili, il-PN qed jagħmel minn kollox biex jivvotta mal-Labour. B’hekk qed jipprova jidher progressiv u liberali daqs il-Labour. Imma mhux qed jinduna, li llum, il-progress qed ifisser rigress. Mhux qed jinduna li qed jilbes qalziet li mhux tiegħu.

Fejn qabel il-PN kien imexxi lill-folla, illum il-PN qed jitmexxa mill-folla. Qabel mal-PN jieħu stand fuq issue, l-ewwel pass dejjem qed ikun li jżomm is-silenzju ħa jara fejn sejra l-folla jew x’ser jgħidu l-ġurnalisti liberali. Wara jaqbad ma’ dak il-ħsieb li jkun qed imexxi l-folla jew dawn il-ġurnalisti u jaddotta lilu nnifsu għal dak il-ħsieb. Dan jagħmlu ikun x’ikun il-ħsieb tal-folla jew tal-ġurnalisti. Kif ġara fil-liġi tal-abort, aktar mill-folla, il-PN jara x’iridu lġurnalisti anki meta dawn il-ġurnalisti mhux bil-fors ikunu qed jesprimu l-ħsieb talfolla.

Għall-PN, ma għadux importanti li jieħu deċiżjonijiet politiċi bbażati fuq il-valuri tiegħu iżda sar aktar importanti għalih li jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq x’qed jgħidu il-ġurnalisti liberali u xellugin. Bl-Ingliż, din tissejjaħ politics of convenience jew politika ta’ konvenjenza. Fi kliem ieħor, il-PN qed imexxi politika li tkellem kontra tagħha l-istess Bernard Grech. Fid-diskors tiegħu fl-aħħar Kunsill Ġenerali, Grech, bir-raġun tkellem kontra l-politika ta’ konvenjenza. Illum nemmen li Bernard Grech jaf li l-konvenjenza hija l-akbar sintomu politiku f’pajjiżna. Għalhekk tkellem biex jagħti l-impressjoni żbaljata, meta l-verita’ hija oħra għaliex anki l-PN qed jgħix il-politika tal-konvenjenza. Hija din il-politika li qed tmexxi lill-PN. F’kelma waħda, qiegħed jaddotta l-politika ta’ Pilatu. Aktar ma qiegħed jagħmel hekk, il-PN aktar qiegħed isir irrelevanti.

Jekk hemm prova ta’ dan hija l-istrateġija użata fil-ġlieda kontra l-abort. Minflok il-PN uża l-istess strateġija li kien uża l-Lejber biex jaqsam lill-PN fuq il-kwistjoni tad-divorzju, mar għall-istrateġija li għamlitu aktar irrelvanti milli ġa kien. Abela kellu problemi interni minħabba l-abort u grazzi għall-PN u l-intellettwali spiċċa solvihomlu. Nemmen li l-intenzjoni tal-intellettwali kienet tajba, iżda għamlu wisq emfażi fuq l-ego tal-intellettwalita’ milli fuq realpolitik tal-issue tal-abort. Għalhekk, dawk il-forzi kollha li bdew b’ġlieda kontra l-abort, spiċċaw kompliċi mal-gvern fil-finalizzazzjoni tal-liġi li daħħlet l-abort f’Malta. Hawn tidħol ukoll il-politika ta’ konvenjenza ta’ Abela li biddel il-ħsieb fuq l-abort u għamel taparsi u-turn u dejjaq ftit il-liġi, iżda addotta mudell li jaf li bih jista’ anki jaħsel idejh minnu.

Ma nsewx li l-ebda liġi ma tibqa’ kif inhi. Illum il-gvern ta’ Abela qiegħed jiftaħar li għamel pass storiku. Quddiem id-dinja kollha, f’Malta daħal l-abort b’kunsens tal-PN u tal-kurja. Għal Abela dan huwa gwadann kbir li l-PN ma għamel xejn biex Abela ma jkollux oppożizzjoni. Minflok qasam kollox ma’ Abela, inkluż il-mertu ta’ dan il-gwadann. B’hekk Abela sar “hero” għaliex fejn irid jgħid li daħħal l-abort f’pajjiżna u fejn irid jgħid li dan mhux abort. Fejn irid jgħid “abort” u fejn irid jgħid li “rebħet il-ħajja”.

Dawk li kienu kontra spiċċaw l-akbar alleati ta’ Abela. Dawk li kienu kontra spiċċaw kompliċi miegħu. Dik jien ngħidilha “intelliġenza” u “makkakerija” ta’ Abela. B’hekk salva lillu nnifsu. Dan huwa fatt.

Pilatu ħa deċiżjoni fuq li riedu l-ġurnalisti liberali u hawn il-PN, li huwa l-unika Oppożizzjoni fil-pajjiż, spiċċa ħasel idu. Il-PN ħasel idejh mill-effetti ta’ din id-deċiżjoni u spiċċajna bla oppożizzjoni. Jaffordja pajjiżna jibqa’ jkollu Oppożizzjoni li tiġri wara l-gvern biex tilħqu u tkun bħalu minflok li tkun l-Oppożizzjoni tiegħu? Jaffordja pajjiżna li jkollna politika bla ħsieb, iżda kull ma jsir, jsir biex tintrebaħ il-popolarita’ b’ritratti fuq il-Facebook u ħsieb kritiku kważi xejn? Jaffordja pajjiżna li jkollu Oppożizzjoni li qed issir dejjem aktar kopja tal- oriġinali li huwa l-Labour? Jaffordja pajjiżna li jkollu Oppożizzjoni li ssir dejjem aktar irrelevanti?

Dak li jrid jagħmel il-PN huwa li jiġġieled illum ħalli għada jkun aħjar.

climate sign outside blur
Photo by Markus Spiske on Pexels.com

3 thoughts on “Il-Politika ta’ Konvenjenza tal-PN

  1. Meta l-PN kien imexxi lill-folla kien żmien meta l-folla kienet titbeżża’ mill-kastig etern mill-knisja ta’ Mikiel Gonzi allura ‘by default’ kienet titmexxa mill-partit tal-knisja l-partit Religio et Patria, dak Nazzjonalista. Meta l-poplu evolva u marritlu l-biża’ ta’ l-infern reġa’ mar lura fi ħdan fejn kien ħabbatlu l-polz inizjalment qabel beżżugħ bl-infern, lejn il-partit xellugi soċjalista Malti, il-Labour.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *