L-imnarja żmien il-qtil

Minn Edwin Vassallo

Ilbieraħ, Malta iċċelebrat l-Imnarja. F’moħħi ġieni dramm ta’ Francis Ebejer, l-Imnarja Żmien il-qtil. Dan hu dramm dwar familji borgeżi li waħda minnhom tiskrupla u tgħid li mhux sew li fl-imnarja jinqatlu l-fniek. Mhux ser nidħol fuq suġġett dwar l-annimali li qed isir aktar topiku, imma Ebejer uża dan id-dramm biex joħroġ l-ipokreżija.

L-Imnarja ta’ din is-sena ħareġ l-ipokrezija. Għaliex qed ngħid dan? Ilbieraħ ħafna Nazzjonalisti iċċelebraw jew aħjar fakkru dak li ġara fid-29 ta’ Ġunju 1982. Dak in-nhar kellna l-PN kontra l-Partit Laburista. Il-PN kien immexxi f’dik il-ħabta minn Eddie Fenech Adami. Il-Lejber kien immexxi minn Dom Mintoff. B’Eddie Fenech Adami bħala kap kien ta ordni ta’ azzjoni ta’ diżubbidjenza ċivili. Eddie Fenech Adami dejjem mexxa politika li qatt ma jkun kompliċi mal-gvern ta’ Mintoff. Eddie Fenech Adami kien ordna li dik il-ġurnata ngħixuha bħala festa. Dan għaliex, Mintoff kien neħħa l-Imnarja minn waħda mill-btajjel pubbliċi u b’hekk il-ħaddiema kellhom inqas vaganzi.

F’dan il-perjodu, il-P.N. kien jaf min hu, x’irid u fejn sejjer. X’differenza mil-lum! Ftit jiem qabel id-29 ta’ Ġunju 2023, il-PN immexxi minn Dr. Bernard Grech ivvotta favur il-liġi tal-abort. B’hekk, illum l-abort daħal f’pajjiżna b’kunsens. “Bill 28” hija liġi tal-abort. Huwa veru li l-abort iddaħħal f’pajjiżna b’restrizzjonjiet dojoq. Imma hekk ukoll kien iddaħħal id-divorzju. Dan iddaħħal b’restrizzjonjiet dojoq iżda twessgħu għaliex hekk kien meħtieġ minħabba l-prattika legali. Issa maż-żmien, minħabba r-riżultat tal-prattika medika f’dan ir-rigward, din il-liġi tal-abort ser jkollha bżonn li dawk li huma restrizzjonjiet dojoq, jitwessgħu biex jissodisfaw il-prattika medika. Meta dan isir, l-iskuża uffiċjali tkun d-dritt tal-mara fuq ġisimha.

Jekk hemm prova ta’ dan hu dak li kiteb Kevin Aquilina. Kevin Aquilina ħareġ in-nuqqasijiet ta’ din il-ligi tal-abort u dawn in-nuqqasijiet kollha ser imorru favur dawk it-tobba u dawk li ser jiftħu kliniċi privati biex jagħmlu l-abort u jaqilgħu l-flus minnu. Mela Kevin Aquilina kixef il-verita’ dwar l-emendi meħtieġa għal din il-liġi.

Minflok, il-PN kixef dan it-taħwid kollu u tkellem dwar dawn in-nuqqasijiet kollha, mar kompliċi mal-gvern imma l-aqwa li l-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li rebħet il-ħajja. Daqshekk hija kbira d-differenza bejn il-PN ta’ 1982 u dak tal-lum.

Jien nemmen li r-raġuni hija li llum għadna politika ta’ konvenjenza li qed tagħmel lill-PN irrelevanti. Dwar dan ser nikteb f’artiklu separat. Kontra Eddie Fenech Adami li fl-1982, ma beżax imur kontra l-kurrent u l-politika tat-terrur ta’ Mintoff, illum għandna politiċi li jridu biss jaslu akkost ta’ kollox u lesti li jakkommodaw lill-gvern. Fl-1982, il-P.N. kien jaf min hu, x’irid u fejn sejjer. X’differenza mil-lum! Illum l-Imnarja saret żmien il-qtil. Mhux għax ser noqtlu lill-fniek, imma għaliex issa nistgħu noqtlu t-trabi fil-guf u fil-proċess il-PN qatel anki l-ħsieb politiku tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *