Wagner u Putin.
Minn qarrej ta’ dan il-blogg.
Il-media tal–punent qed tagħtina f’ħafna dettal dak li ġara fir-Russja u dak li qed jissejjaħ bħala kolp ta’ stat li falla. Għandi d-dubji tiegħi kemm kien hemm attentat ta’ kolp ta’ stat fir-Russja. Issa qed isir l-analiżi ta’ dak li ġara. Bl-ebda mod ma rrid in-naqqas mill-kruha ta’ dak li ġara u l-periklu li ġie ikkreat. L-anqas irid nagħti xi impressjoni li ma kienx hemm taħwid minn Prigozhin u l-Wagner. Dak li ġara huwa u jibqa’ tal-bliegħ.
Iżda wieħed irid jgħid li dawn kienu l-bogħod mill-parlament Russu u għebu f’daqq. Jekk taqra l-gazzett ‘serji’ tal-Punent jew tisma’ l-aħbarijiet minn mezzi tax-xandir ‘serji’ tal-Punent, tibda tistaqsi u “tgħid Putin spiċċa? Putin id-dgħajjef? Putin mhedded?
Ħaġa tal-għaġeb, meta fis-6 ta’ Jannar 2021, ċorma nies nvadiet il-parlament Amerikan, il-Capitol, minkejja li kulħadd tmeżmeż sew u kellhom biex, ħadd ma qal l-istess u bassar l-istess bħal ma qed jitbassar issa li ser jiġri fir-Russja. Dak li nista’ nżid li l-Ambaxxata Amerika fir-Russja ħarġet tiġri stqarrija biex tgħid li l-Amerika ma kellha xejn x’taqsam ma’ dak li ġara fir-Russja. Naħseb li stqarrija bħal din titkellem ħafna dwar x’inhi s-sitwazzjoni vera fir-Russja.
Wisq probabbli, kontra kull previżjoni li qed jagħmel il–punent, wara din l-istorja, Putin ser jissaħħaħ aktar milli ser jidgħajjaf. Fil-jiem li ġejjin ikunu nafu eżatt x’ser tkun is-sitwazzjoni vera fir-Russja.
Dak li hu żgur, u din hija l–ikbar traġedja, li l-gwerra fl-Ukraina, wara dak li ġara f’Moscow, mhux ser tieqaf, imma ser tkompli titwal.
Dak li hu żgur li wara dak l–ġara, ir–relazzjonijiet bejn il–Punent u r–Russja ser jeħżienu u mhux jitjiebu. Dan ma jawgura xejn tajjeb għall–Ewropa.
