Pro Malta Christiana tiddissassoċja ruħha mill-għaqdiet li qed jgħidu li saret rebħa favur il-ħajja. Pro Malta Christiana tinsisti li b’din l-emenda, il-gvern qiegħed idaħħal l-abort.

Permezz tassegretarju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi, Karmenu Borg, lGħaqda ProMalta Christiana ħarġet stqarrija għallistampa fejn fiha qalet li il-movimenti li suppost huma favur il-ħajja qegħdin jiċċelebraw rebħa pirrika għaliex bl-emendi il-ġodda, dan il-gvern ma qiegħed jagħmel xejn ħlief idaħħal l-abort f’pajjiżna. F’dan ilkuntest is-Soċjeta’ Maltija għal Ċivilta Nisranija – Pro Malta Christiana iddisassoċjat ruħha mis-sentimenti espressi minn dawn l-għaqdiet li suppost huma favur il-ħajja fuq l-emendi proposti tal-abbozz ta’ liġi numru 28 u li ser jiġu mdaħħlin bħala liġi biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-abort.

L-Għaqda Pro Malta Christiana qed tisħaq li dawn lemendi qed jiftħu tieqa għall-abort taħt l-iskuża jew raġunijiet ta’ “saħħa mentali” jew “kumplikazzjonijiet” li jistgħu jwasslu għall-mewt. L-Għaqda Pro Malta Christiana tistaqsi għalfejn is-saħħa mentali saret kundizzjoni valida li tista’ twassal għall-abort u l-qtil ta’ tarbija? Għalfejn hemm din il-korrelazzjoni bejn “saħħa mentali” u “kumplikazzjonijiet”?

Għalhekk, l-Għaqda qed tgħid li din il-liġi qed tippermetti l-abort. Dan jista’ jsir jekk fl-opinjoni ta’ tabib li ser jagħmel l-intervent mediku, it-tarbija għadha ma laħqitx il-perjodu msejjaħ “ta’ vijabbilita’”.  Id-definizzjoni mogħtija mill-gvern għall-“perjodu ta’ vijabbilita’” huwa l-punt fit-tqala fejn it-tarbija kapaċi tgħix barra l-ġuf tal-omm skont “prattiċi kurrenti mediċi”. Jiġifieri qabel dan il-perjodu, l-abort sar issa permessibbli.  

Huwa f’dan il-kuntest li l-Għaqda Pro Malta Christiana qed tistaqsi għaliex iddaħħlet din il-klawsola li potenzjalment tista’ twassal biex tarbija mitqiesha li ma tistax tgħix barra mill-ġuf b’mezzi artifiċjali tista’ tinqatel? Fuq kollox, anki jekk tarbija tkun tista’ tgħix b’mod artifiċjali barra l-ġuf, kif inhi miktuba din il-liġi xorta, tista’ tinqatel jekk it-tabib jgħid li ma tistax tgħix b’mezzi artifiċjali ta’ sostenn, jew jekk il-mezzi ta’ sostenn li tista’ tgħix bihom ma jkunux rikonoxxuti mill-prattiċi mediċi kurrenti.

B’hekk din il-liġi tiftaħ xenarju alternattiv fejn l-abort isir f’każ fejn fl-opinjoni ta’ tabib jew tim mediku ta’ tliet prattikanti tal-mediċina, (tnejn minnhom jew ġinekoloġi jew obstettriċi), it-tarbija għadha ma laħqitx il-perjodu ta’ vijabbilita’ u ma tistax tkun mwielda skont l-istandards tal-professjoni medika. Dan hu miftuħ għall-interpretazzjoni medika.

Imma din il-liġi tqajjem kwistjoni anki dwar il-proċedura ta’ kif ser issir din id-deċiżjoni li jsir abort jew le. Għaliex hemm żewġ xenarji alternattivi fejn wieħed jew tliet tobba jistgħu jiddeċidu l-futur ta’ tarbija? Għalfejn tabib waħdu jista’ jiddeċidi id-destin ta’ tarbija taħt il-proposti l-ġodda? Għalfejn ix-xenarju alternattiv ta’ tim ta’ tliet tobba hija biss alternattiva għall-ewwel xenarju?

Min jiddeċidi liema xenarju ser ikun applikat, dak ta’ tabib wieħed jew dak ta’ tliet tobba biex ikun jista’ jiġi deċiż jekk tarbija għandhiex tkun abortita jew le? Jekk tabib wieħed mit-tim ta’ tlieta jopponi l-intervent mediku li twassal għall-abort, xorta waħda jista’ ssir l-abort?

Quddiem dan kollu, l-ikbar skandlu jinsab mhux f’din il-liġi imma kif ċerti għaqdiet li suppost li huma favur il-ħajja diġa’ qalu pubblikament li l-liġi preżenti diġa’ tagħti garanziji għas-saħħa tal-omm f’dawn is-sitwazzjonijiet. L-Għaqda Pro Malta Christiana tinsisti li dan hu skandlu lampanti. Għaliex dawn l-għaqdiet xorta waħda ipproponew emendi legali għal-liġi li huma stess sostnew li ma kinux neċessarji.  

Bħala assoċjazzjoni ta’ ispirazzjoni Kattolika, Pro Malta Christiana tikkonkludi li issa l-abort ser ikun aktar faċli, għaliex tneħħew il-penali li kienu ta’ deterrent. Issa infetħet tieqa minn fejn jista’ jgħaddi l-abort u bdejna il-proċess ta’ normalizzazjoni tal-prattika misħuta tal-abort li permezz tagħha jintilfu l-ħajjiet tal-innoċenti.

Għaldaqstant, l-Għaqda Pro Malta Christiana tappella lill-għaqdiet favur il-ħajja sabiex ma jibqgħux jagħtu l-impresssjoni falza li saret xi rebħa favur il-ħajja, imma jifhmu li dawn l-emendi għandhom jiġu reżistiti bil-qawwa kollha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *