Is-Sajjieda Barranin f’Malta. Abbużi serji f’dan is-settur.

Bħalissa għaddejja diskussjoni f’pajjiżna dwar il-preżenza ta’ ħaddiema barranin. Din il-preżenza qed tolqot kull settur tal-ekonomiija, inkluż dak tas-sajd. Sabiex wieħed jidħol f’dan is-suġġett, l-ewwel li għandu jsir huwa studju serju tas-settur kollu tas-sajd u kemm jiflaħ dan is-settur ikollu ħaddiema barranin. Illum anki dan is-settur qed isir wieħed vulnerabbli.

Fil-qasam tas-sajd, is-sajjieda barranin ġejjin kollha minn pajjiżi terzi. Għandna ammont li m’huwiex ftit ta’ sajjieda suppost dilettanti. Issa dak li qed jiġri f’dan is-settur huwa li kulħadd jieħu u ħadd ma hu jrodd xejn lura.

Dan l-influss ta’ sajjieda barranin huwa kollu dovut għall-kilba tal-flus. Bħal kull storja oħra, din bdiet b’għan tajjeb għaliex fuq il-bastimenti tat-tkaxkir, ftit kienu s-sajjieda Maltin imħarrġa f’dan il-mistier u kien hemm bżonn sajjieda barranin sabiex il-bastiment tat-tkaxkir setgħu joperaw. Imma ma tistax ma tmurx lura fl-istorja tas-settur tas-sajd f’pajjiżna biex tifhem mnejn tlaqna u fejn wasalna u għala issa dan is-settur jinsab fi kriżi. Jekk xejn, is-sajjied Malti qiegħed imut bil-mod il-mod.

Żmien sewwa qabel d-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropeja, eżatt fl-aħħar tas-snin sebgħin u l-bidu tat- tmeninijiet, ġewwa l-Libja kien inħoloq xogħol konness mal-baħar. Ħafna sajjieda Maltin, sabiex jaqilgħu ftit aktar għall-għejxien tagħhom, spiċċaw marru l-Libja. Il-flotta Maltija tas-sajd sfat orfni mis-sajjieda tagħha.

Kien żmien ukoll li sabiex tħaddem bastiment tas-sajd għall-barra, minbarra tal-familja kienu jeħtieġ li jiġu mbarkati persuni minn barra ilfamilja tas-sajjieda. Infakkar li x-xogħol fil-qasam tas-sajd huwa wieħed tradizzjonali marbut ma’ familji. Issa n-numru ta’ sajjieda fuq bastiment jiġi determinat skont it-tip ta’ sajd li ser ikun qed isir. Fi kliem ieħor, skont x-xogħol li jkun, jiddependi l-ammont ta’ persuni. Per eżempju, jekk il-bastiment ikun qed jintrama għal-lampuki jew għal-lampara, l-ammont kien ikun ‘il fuq minn għaxar persuni. Jekk bil-konżijiet tal-qiegħ, l-ammont mhux anqas minn sitt persuni u l-istess għall-pixxispat. Imbagħad hemm sajd fejn ma jeħtiġx numru kbir ta’ persuni. Wieħed waħdu jista’ jagħmlu bħal dak tar-rixa, tan-nassi tal-vopi, tal-gangmu. Dawn wieħed biss ikun biżżejjed. Meta s-sajd ikun bit-tartarun, ix-xkitti u l-pariti, tnejn ikunu biżżejjed.

Qabel ma dħalna fl-Ewropa, ma kontx issib sajjieda barranin jaħdmu mal-Maltin, ħlief ftit waħdiet fuq tat-tkaxkir u kif spjegajt aktar ‘il fuq dawn ġew minħabba li sajjieda Maltin bdew imorru jaħdmu fil-Libja. Dawn bdew jinġibu meta s-sajjied Malti beda jfittex xogħol il-Libja. F’dak iż-żmien hien hawn is-sostenibilta’ fis-sajd. Mad-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, iddaħħlu liġijiet, ħafna minnhom mill-Common Fisheries Policy u kollox beda jinbidel.

Kien hemm żmien li s-sajjied Malti beda jkun frustrat għaliex ma kienx imdorri b’regolamenti li ma kienux kollha jgħoddu għall-flotta tagħna. Il-flotta tagħna kienet fil-maġġoranza tagħha artiġjanali. Biż-żmien beda jaddotta ruħu u tgħallem jisfrutta l-benefiċji tad-dħul fl-Unjoni Ewropeja. Biss li ġara tul amministrazzjonijiet differenti, iddaħħlet ċerta liberta’ u din inbidlet f’libertinaġġ.

Din tat lok ta’ abbuż anki fl-istrutturi tal-gvern. Kien hemm lok t’abbuzi kemm fi Transport Malta u d-Dipartiment tas-Sajd. Transport Malta tgħid li mhux fir-remit tagħha biex tinvestiga ċertu affarijiet u d-dipartiment tas-sajd jagħmel xogħol Transport Malta fejn jidħol il-liċenzjar u saħħa u s-sigurta’ fuq il-bastimenti tas-sajd. F’din l-għalqa fertili bdew jinġibu baħħara mil-Indonezja, l-Egittu u waħdiet Tuneżini. Dawn kollha barra mill-Unjoni Ewropeja jew kif jissejħu pajjiżi terzi. L-awtoritajiet kollha, dawk tas-sajd u ta’ Transport Malta u l-pulizija tal-immigrazzjoni kienu iħalluhom jidħlu bi transit visa.  

Ġara li ma kien hawn kontrolli ta’ xejn. Sajjieda barranin spiċċaw bdew jiġu pajjiżna u jieħdu mill-ftit risorsi ta’ pajjiżna u ma jħallu xejn. Is-sajd minn dawn is-sajjieda ma kienx għas-suq lokali u dawn kienu jitħaddmu ħafna drabi minn persuni barranin. Kontrolli ta’ xejn, la fejn tidħol iġene, is-saħħa u s-sigurta’ u bi sforz għamlu assikurazzjoni jekk jiġu bżonn sptar jew tabib. Bdew ifeġġu ċertifikati fażulli. Is-sitwazzjoni kompliet tigrava għaliex id-Dipartiment tas-Sajd ma għandux nies kompetenti f’dik il-materja. Ġara li spiċċajna u għandna kaptana minn pajjiżi terzi b’liċenzja nawtika li tkopri biss l-ibħra territorjali ta’ tnax-il mil nawtiku. Imma fi tnax-il mil nawtiku ma tistax taqbad il-ħut li dawn is-sajjieda barranin jaqbdu. B’hekk, hawn attivita’ kbira li hija kollha illegali u d-Dipartiment tas-Sajd japprova. L-aqwa li min hemm wara dan in-negozju għandu ħbieb fl-istess Dipartiment tas-Sajd. Kien hemm min saħansitra xtara kemm sab bastimenti reqdin “DORMANT ” imliehom bil-barranin li ma jħallu l-ebda ċenteżmu u fl-istess waqt qegħdin naraw is-sostenibilta tikkolassa.

Dan kollu qed iġib tħassib fost is-sajjieda ż-żgħar u ġenwini. X’se jiġri? Is-sajjieda ż-żgħar kollha jafu x’hemm bżonn isir u anke l-istess min qiegħed jabbużaw bis-sistema. Qieħed jinħass id-deklin fil-qabdiet li ġej mis-sajjieda barranin u anke mid-dilettanti. Ma jistax li d-Dipartiment tas-Sajd ma jikkommissjonax studju profond fuq is-sitwazzjoni attwali. Bħalissa qed nagħmlu bħal Neruni u noqgħodu ndoqqu l-arpa waqt li naraw lil dan is-settur jegħreq bil-mod il-mod. Dalwaqt se jkun TOO LATE

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *