L-aħħar intervista ta’ Bernard Grech tikxef nuqqas ta’ ħeġġa fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Minn osservatur poltiku
Bernard Grech fl-aħħar intervista tiegħu qalilna li ‘billi tgergru biss mhux biżżejjed’. Ir-risposta tagħna hija li ‘billi tikkritka biss u ma toffrix soluzzjonijiet mhux biżżejjed’. Qalilna li fejn jidħlu l-għoli tal-ħajja, il-ħarsien tal-ambjent u ż-żieda tal-popolazzjoni, s-soluzzjonijiet huma f’idejna. Wieħed jistaqsi lilu, x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed toffri lill-Maltin u l-Għawdxin fejn jidħlu dawn il-problemi li għadna kif elenkajna?
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jiġbor lejh koalizzjoni ta’ nies biex ikunu jistgħu jiddiskutu, qed jgħidilna. Tajjeb li tiddiskuti imma jkun aħjar li kieku tkun int il-prim promotur ta’ ideat diversi. Donnu jrid jiġbed lejh diversi għaqdiet, organizzazzjonijiet u msieħba soċjali biex flimkien jagħmlu moviment biex iħarsu ‘l quddiem. Imma tgħid irid jiġbed lejh lil dawn kollha biex dawn l-istess nies joħorġu bl-idejat u wara jagħmilhom tiegħu?
Din diġa’ rajniha ssir meta għamel tiegħu proposta tal-UĦM u qed juża biex jagħtiha bħala proposta tiegħu biex jirribatti l-għoli tal-ħajja. Il-UĦM kienet ħarġet bi proposta għal jum il-ħaddiem, biex iż-żieda tal-COLA ma tiġix intaxxata. Hekk iż-żieda kollha tibqa’ fil-but tal-individwu u mhux biċċa minnha tittiekel mill-Gvern. Din il-proposta ntlaqgħet minn Bernard Grech b’tali mod li għamilha tiegħu.
Hu jrid li dawn in-nies jersqu lejh biex flimkien ikunu jistgħu jdawru r-rota biex isalvaw l-ambjent, il-wirt ta’ pajjiżna u l-identita’ tagħna. Mela Bernard Grech qed jistenna li dawn joħorġu bl-idejat biex imbagħad jagħmilhom tiegħu. Jista’ jkun li dan il-ħsieb jirriżulta għaliex fil-grupp parlamentari nazzjonalista hemm nuqqas ta’ ħeġġa qawwija? Jista’ jkun li l-grupp parlamentari Nazzjonalista huwa nieqes mill-idejat? Jista’ jkun li l-grupp Nazzjonalista mhux jasal biex joffri viżjoni għall-futur? Jista’ jkun li l-grupp Nazzjonalista mhux qed jasal biex joffri soluzzjonijiet għall-problemi kbar li għaddej minnhom pajjiżna?
Bħalissa, f’kull okkażżjoni li jkollu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jagħti bħala soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja, żewġ idejat. Waħda li kien ħareġ biha Jason Azzopardi meta kien għadu parti mill-grupp parlamentari, dik li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-importaturi u l-esportaturi, miljuni ta’ euro biex jgħinu fit-trasport tal-merkanzija. U l-oħra hija l-idea tal-UĦM li ma tiġix intaxxata iż-żieda li tirriżulta mill-COLA.
Bernard Grech qed jgħid li għandu bżonn lin-nies. Għandu bżonnhom biex jingħaqdu miegħu ħalli flimkien ikomplu jikkonvinċu lill-poplu li l-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku soluzzjoni għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Imma ħafna qed jgħidu li huma qed jistennew li l-Partit Nazzjonalista jkun l-ixprun u jkun fuq quddiem biex joħroġ bl-idejat u b’soluzzjonijiet. Qalilna li hemm bżonn li b’konvinzjoni kulħadd għandu jgħid li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jikkonvinċi li jista’ jkun Gvern alternattiv u jkun Gvern aħjar minn dak li għandna bħalissa.
Imma biex il-poplu jasal biex jingħaqad ma’ Bernard Grech, hemm verament bżonn li l-istess kap juri maturita’ fit-tmexxija tiegħu. Hemm bżonn li l-kap juri viżjoni għall-futur ta’ pajjijżna. Hemm bżonn li l-grupp parlamentari juri unjoni soda u jagħti xmara ta’ idejat li jistgħu verament ikunu s-salvazzjoni għal dan il-pajjiż li bħalissa għaddej minn sitwazzjonijiet imbarazzanti.
