Il-popolazzjoni u l-ekonomija.

Minn osservatur politiku

Ilna nisimgħu li pajjiżna għandu bżonn jibdel l-istrateġija ekonomika tiegħu. Il-Ministru tal-Finanazi beda dan il-ħsieb meta kkalkula li sa 17-il sena oħra, f’pajjiżna jista’ jkun li jkollna mat-800,000 ruħ, xi ħaġa li twerwrek meta verament toqgħod taħseb fuqha. Pajjiżna ma jiflaħx għal numri bħal dawn u għalhekk hemm bżonn urġenti li naraw tibdil radikali fil-mod kif ser inkabbru l-ekonomija tal-pajjiż, għax din l-istil ta’ ekonomija li adotta l-Gvern f’dawn l-aħħar għaxar snin ma treġġix iżjed.

Huwa tajjeb u xieraq li f’pajjiżna nitkellmu favur il-ħtieġa li niżviluppaw ekonomija fuq xogħol li għandu ħafna valur miżjud. Din it-tip ta’ ekonomija nistgħu nħarsu lejha jekk tkun bażata fuq teknoloġija avanzata li titmexxa minn ħaddiema li għandhom edukazzjoni għolja u li jkunu trenjati sew biex jagħmlu dak ix-xogħol. Hekk ma nkunux qed nikkompetu ma’ xogħol ta’ prekarjat meta niftakru li meta l-Malti jidħol għall-produzzjoni jew biex jagħti servizz dan jagħmlu bl-iktar professjonalita’ u preparazzjoni.

Għalhekk fis-snin l-imgħoddija rajna deħlin f’pajjiżna servizzi ta’ kwalita’ tant li tawna pożizzjoni għolja madwar id-dinja. Nistgħu nsemmu s-servizzi finanzjarji, l-igaming, ir-reġistru navali, l-aeronawtika u oħrajn. Dawn tawna l-possibilita’ li nkunu punt ta’ referenza f’dawn is-setturi diversi li żiedu f’pajjiżna ħafna xogħol ta’ kwalita u żgur li ma kienx hemm lok ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq cheap labour.

Imma xorta għadna l-bogħod biex naraw setturi ġodda deħlin f’pajjiżna. Għal Gvern tal-ġurnata din għadha ħolma li donnu qed isib diffikulta biex iwettaqha. Ikollna nammettu li xorta l-ekonomija tagħna għadha bbażata fuq iċ-cheap labour. Għadna qiegħdin naraw ċittadini Maltin li ma jridux jagħmlu ċertu xogħol, allura bil-fors li kull min jimpjega jkollu jħares lejn ħaddiema barranin li fuq kollox lesti li jitħallsu b’pagi li ma jagħmluhomx sinjuri.

Il-Ministru tal-Fianazi fetaħ l-għajnejn beraħ. Hemm bżonn li t-tmexxija tal-pajjiż tibda’ tħares, mingħajr telf taż-żmien, għal strateġija differenti fejn ikollna ħafna iktar ħaddiema b’valur miżjud. Dawn is-setturi, jekk nindirizzawhom lejn pajjiżna, ikollhom bżonn ħaddiema preparati għal dan it-tip ta’ xogħol. Mela jrid ikun hemm pjan konġunt fl-edukazzjoni tal-istudenti tagħna. Hija l-edukazzjoni li tagħmel possibbli l-investiment f’setturi ġodda. Din diġa rajniha tagħmel sehemha meta Malta nvestit, f’setturi ġodda fis-snin ta’ qabel. Issa hemm bżonn li l-Gvern Malti jimbarka fuq xi ħaġa ġdida li jkollha valur miżjud u li tirrendi lill-istudenti tagħna li huma l-ħaddiema ta’ għada. Dawn l-istudenti iridu jiġu ndirizzati lejn ċertu livell ta’ edukazzjoni li jkunu jistgħu jimirħu fis-setturi li jkun lest li jiżviluppa l-Gvern. Għalhekk il-livell u l-preparamenti edukattivi għandhom jimxu id f’id mal-pjanijiet tal-Gvern.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *