Ir-riskju ta’ faqar f’pajjiżna:
Minn osservatur politiku
Ma huwa pjaċir għal ħadd li tinnota kif l-istudji li saru matul dawn l-aħħar snin qed jindikaw li l-faqar qed dejjem jiżdied f’pajjiżna. Ebda persuna ma għandha tkun kuntenta b’dawn it-tip ta’ aħbarijiet għaliex anke jekk tibqa’ persuna waħda li qed tbati biex tlaħħaq mal-ħajja, xorta rridu naraw x’nagħmlu. Aħseb u are meta qed inkunu nfurmati li għexieren ta’ eluf qiegħdin f’din il-faxxa tas-soċjeta.
U għalhekk waħda mill-ikbar sfidi li qed jiffaċċja bħalissa pajjiżna hija l-għoli tal-ħajja. Ma nistax nemmen kif il-Gvern tal-ġurnata qisu qed jagħmel minn kollox biex jinjora din il-problema kbira. Donnu mhu qed isir xejn politikament biex itaffi din l-isfida li qed tolqot ħafna nies. Donnu iktar ħsibna biex naħarbu minnha milli biex insolvuha. Imma jibqa’ l-fatt li din l-isfida qed toħloq nuqqas fil-kwalita’ tal-ħajja għall-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa fatt li qed niltaqgħu miegħu kuljum li tmur tixtri oġġett minn ħanut u tmur ġimgħa wara u ssib li jkun għola l-prezz tiegħu. Jekk titkellem mal-ħwienet tal-merċa jgħidulek li kuljum ibiddlu l-prezzijet tal-affarijiet tal-ikel għax qed jogħlew minn ġurnata għall-oħra. Imma kif ser jipprova jsolvi din il-problema l-Gvern. L-ewwel net irid ikun umli u jammetti li din hija l-ikbar problema li qed jiffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi bħalissa. Irid jaċċetta l-fatt li b’dawk l-affarijiet u sitwazzjonijiet li qed jiġru madwar pajjiżna qed joħolqu dan il-fenominu li qed jherri s-soċjeta tagħna.
Il-kwistjoni taż-żieda tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi qed tkompli tagħfas fuq il-poplu Malti. Hemm bżonn immedjat li pajjiżna jimbarka fuq strateġija ekonomika ġdida f’setturi ġodda li joħolqu xogħolijiet ta’ kwalita’ u li jħallsu tajjeb lill-ħaddiema kollha kemm Maltin kif ukoll barranin. Ma jistax ikun li l-ekonomija tagħna tibqa’ taħdem fuq il-kwantita tal-ħaddiema imma trid tagħfas fuq il-kwalita’. Hemm bżonn ukoll li nieħdu azzjoni fuq il-proposta tal-UĦM li ma jiġux intaxxati ż-żidiet tal-COLA ħalli hekk jibqgħu iżjed flus fi bwiet in-nies.
Ma tistax ma tiftakarx meta titkellem fuq l-għoli tal-ħajja fi kliem il-Ministru tal-Finanzi ftit tal-ġimgħat ilu meta kien ammetta li xirja li qabel kienet tiswa €220 issa saret tiswa €290, żieda qawwija ta’ €70. Dan jikkonfermawh rapporti li qed jgħidu li l-għoli tal-ħajja fl-2022 kien ta’ 4.2% filwaqt li din is-sena dan tela’ għal 7%. Irridu niftakru li dan il-perċentwali mhux iżjed, għaliex il-Gvern qed jissussidja l-enerġija u l-fuel. Imma issa rridu naraw jekk il-Gvern hux ser jimxi mad-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea li qed tgħid li sa l-aħħar ta’ din is-sena dan is-sussidju għandu jieqaf.
Il-Gvern fid-difiża tiegħu għal din is-sitwazzjoni qed jgħid li l-perċentwali tal-għoli tal-ħajja hija waħda mill-iktar baxxi fl-Unjoni Ewropea. Imma ma jistax ikun li nibqgħu nikkonslaw b’din it-teorija biss. Irridu nieħdu azzjonijiet neċessarji biex pajjiżna jaffronta din il-problema mingħajr aktar dewmien. Ma jistax ikun li ser inħallu iktar familji javviċinaw lejn il-livell tal-faqar. Il-Gvern irid jagħmel ħiltu kollha biex jaġevola lil dawn il-familji ħalli jkunu f’sitwazzjoni li jimmeljoraw il-pożizzjoni tagħhom u jitbiegħdu minn din is-sitwazzjoni mbarazzanti.
Ma hemmx triq oħra ħlief li nammettu li l-għoli tal-ħajja qed jolqot ħażin il-livell ta’ għajxien lill-Maltin u l-Għawdxin. Ma hemm ebda dubju li f’pajjiżna jeżisti l-fatt li min hu mejjet għall-qatra u min hu mejjet fis-sakra. Għalhekk huwa dmir tal-Gvern li jara kif jagħmel biex dan id-distakk jittrazzan għaliex il-ħajja diċenti hija dritt għal kulħadd.
