Il-ħolma tat-tkabbir tal-popolazzjoni ta’ dan il-gvern tfisser li l-Maltin ser jispiċċaw f’minoranza numerika f’pajjiżhom stess.
Minn Edwin Vassallo
Il-Prim Ministru jeħtieġ joffri soluzzjonijiet li jissarrfu u mhux ħolm li jisfuma fix-xejn. Il-ħolma tal-gvern ta’ Joseph Muscat kienet li jara lill-pajjiżna ssir belt waħda kosmopolita. Din il-ħolma saret realta’ permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet li ttieħdu. L-ewwel li jinħarġu aktar permessi tal-bini u t-tieni li jinġiebu ħaddiema barranin. Waħda tpaċi ma’ l-oħra. Għalhekk permezz ta’ aktar bini, inħolqot domanda għall-ħtieġa tal- ħaddiema barranin u viċi-versa.
Illum għandna l-istess gvern ta’ Joseph Muscat taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela. Għandna l–istess bniedem li mexxa din il-politika demografika jiġifieri, Clyde Caruana. Fi żmien Muscat kien il-boss ta’ Jobsplus u taħt Abela huwa l–Ministru tal-Finanzi, bid-differenza li llum Caruana qed jgħid li din il-ħolma ma ġabitx s-suċċess mixtieq. Illum l-istess gvern irid isib mudell ekonomiku ġdid għaliex jaf li jekk jibqa’ b’dan il-mudell ekonomiku, pajjiżna ser jispiċċa jkun jeħtieġ popolazzjoni ta’ 800 000 persuna. Ovvjament dan ikun ifisser li l-Maltin ikunu fil-minoranza assoluta.
Il-problema preżenti tal-mudell ekonomiku li kien is-suċċess vojt ta’ dan il-gvern kien marbut biss ma’ dik li tissejjaħ consumer driven economy. Dan il-mudell kien ibbażat fuq it-tkabbir tal-ekonomija daqs kemm kienet kapaċi tkabbar il-konsum u t-tkabbir tal-konsum żdid hekk kif il-Gvern ħa id-deċiżjoni li jibda’ joħroġ aktar permessi tal-bini. Dan il-mudell daħħal lill-pajjiżna f’circumstances vizzjużi li ftit li xejn nistgħu noħorġu minnhom.
Dan huwa l-mudell li l-priorita’ tiegħu hija l-kwantita’ u mhux il-kwalita’. F’kollox neħtieġu l-kwantita’ iżda ma nistgħux nħarsu lejn il-kwalita’. Dik il-qabża fil-kwalita’ ma nistgħux nagħmluha. Fit-turiżmu neħtieġu kwantita’. Ħloqna s-supply għall-kwantita’ ta’ turisti. Ħloqna s-supply għall-kwantita’ tal-ħaddiema fl-uffiċini. Kull fejn tħares binjiet ta’ uffiċini għall-kiri. Għadu ħadd ma għamel il-kalkolu ta’ x-supply diġa’ għadna ta’ uffiċini mibnija għall-kiri u kemm jeħtieġ li jkollna ħaddiema barranin biex jimlew dawn l-uffiċini u xi jkun ifisser l-impatt ta’ dawn il-ħaddiema fuq l–infrastrutura tat-toroq, tal-isptar, tas-servizzi tad-drenaġġ, tat-transport pubbliku etċ.
Bnejna u qed nkomplu nibnu appartamenti. U xorta il-prezz tal-propjeta’ għall-Maltin baqa’ jiżdid. Żdid il-prezz tal-kirjiet tal-appartamenti. Żdid il-prezz ta’ kull spiża għan-negozju u dan kollu bla ma żdidu l-pagi.
Pajjiżna kif diġa’ ktibt kemm ‘il darba fuq dan is-sit qed jispiċċa unlivable. Bl-ispejjeż li qed jikbru, il-burokrazija żejda li kull ma tmur nivvintaw fuq in-negozji. Żgur li mhux ser nħajru investimenti ġodda jiġu f’pajjiżna. Il-Prim Ministru jista’ jgħid kemm irid li “we are open for business”, iżda l-prezz tal-ispiża biex f’pajjiżna tagħmel in-negozju qed kull ma jmur jiżdid.
Pajjiżna spiċċa maqbud f’ċirku vizzjuż li qed jibqa’ jibni u jibni, jżid is-supply tal-ispazju ta’ apartamenti, uffiċini, lukandi u issa rridu nkomplu noħolqu d-demand għal dan is-supply. Fl-istess waqt, pajjiżna għandu 9 biljun ewro defiċit. Għandu 55% taż-żgħażagħ bla fiduċja fil-politika. Għandu rata tat-twelied fost l-inqas fl-U.E. Il-Prim Ministru jitkellem li jrid mudell ekonomiku ibbażat fuq il-“skills”, iżda l-istudenti tagħna jippreferu jitilqu jaħdmu f’pajjiż ieħor u mhux f’pajjiżhom.
Dawn kollha huma deficits li l-gvern irid jaffronta. Jien dejjem għidt meta kont fil-Parlament li jekk irridu qawmien u tiġdid ekonomiku, l-ewwel irridu qawmien u tiġdid morali. Ma jistax jkun li jkollna mudell ekonomiku ta’ suċċess ibbażat fuq il-mafja u l-mażunerija. Ma jistax jkun li nkabbru l-ekonomikija meta għandna defiċit morali f’pajjiżna.
Qed nibnu fuq il-falzita’ u din l-akbar kriżi poliika fejn min qed fil-politika irid biss jirbaħ biex jieħu sehmu. Din hija ekonomija maħkuma minn Alla tal-flus. F’din ir-realta’, għandna politika mibnija fuq il-falzita’ u mhux fuq il-verita’. Dan deficit ieħor. Issa fil-ħsieb tal-politiku tal-lum, kollox hu bbażat fuq l-image. Id-dehra saret kollox. Tħalliex sur Establishment politku lil dan il-pajjiż jinfetaq taħt il-piż tal-falzita’ u l-wegħdiet għax għada ser ikun tard wisq!

Jekk jigu mill-EU ma tistax tkeccihom. Tinsihiex din.