L-ikbar tfixkil għal Robert Abela ġej minn ġewwa.

Minn osservatur politiku

Fit-tliet snin u nofs li ilu Prim Ministru, Robert Abela kellu jitfaċċa diversi problemi li waqgħu fuqu meta qatt ma kienu mistennija. L-akbar waħda kienet l-isfida qawwija tal-Covid-19 li kkawżat ħafna uġigħ ta’ ras għat-tmexxija tal-pajjiż. Mhux l-inqas ukoll l-inflazzjoni li waslet malajr meta l-pandemija kienet qed titbiegħed minn xtutna. Din ukoll fixklet u effettwat il-ħafna deċiżjonijiet li l-Gvern ikun qed jieħu. Ma nistgħux ninsew id-diffikultajiet li ġabet magħha l-invażżjoni fuq l-Ukraina.

Biss naħsbu li l-ikbar tfixkil ġie minn god-dar politika tiegħu stess. Dan għaliex l-effetti drastiċi li kellhom id-deċiżjonijiet meħuda mill-Prim Ministru ta’ qablu ħolqu lil Robert Abela problemi kbar. Dawn id-deċiżjonijiet li qed ikollu iġorr qed iħallu lil Robert Abela bla nifs u qed jeħdulu ħafna mill-ħin tiegħu. Tgħid dan il-piż mgħobbi fuq il-Prim Ministru ser ikun il-kaġun li jkisser lill-istess Prim Ministru? Tgħid dawn is-sitwazzjonijiet antipatiċi li dejjem qed jitfaċċaw ser jirriżultaw f’mażra ma’ għonq l-istess Prim Ministru? Jista’ jkun li Joseph Muscat ser ifisser id-disfatta tal-Prim Ministru u tal-Partit tiegħu stess?

Hemm wisq sitwazzjonijiet ta’ żmien Joseph Muscat li mill-att politiku kienu l-agħar għal Robert Abela. Minn banda waħda Robert Abela qed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jiddistanzja ruħu mill-Prim Ministru ta’ qablu. Imma fl-istess ħin Robert Abela qed iżomm lura milli jikkundanna lil Muscat u dak kollu li għamel meta kien Prim Ministru hu. Il-biża’ li deċiżjoni bħal dik jista’ jkollha fuq il-partitarji Laburisti hija kbira għax Robert Abela jaf li Muscat għadu l-benjamin ta’ ħafna mis-sostenituri tal-Partit Laburista.

Uħud minn dawk id-deċiżjonijiet li ħa Muscat u l-kabinet tiegħu huwa ta’ piż kbir fuq il-Prim Ministru tal-ġurnata. Għadhom friski f’moħħ kulħadd il-komplikazzjonijiet legali li qed iġorru magħhom il-kuntratti tal-isptarijiet. Il-frawdolenza li nstabet li saret fl-istess konċessjoni tal-isptarijiet. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li għat-tielet darba sab affarijiet koroh fuq kif tmexxiet din l-istess konċessjoni. Issa għandna l-allegazzjonijiet ta’ Carmen Ciantar, mara politikament qrib ħafna tal-Ministru Chris Fearne. Il-konsulenzi tal-istess Muscat li jidhru li jista’ jkun hemm dubji serji fuqhom.

Dawn u diversi oħrajn bħalhom qed ipoġġu lill-Prim Ministru Abela b’dahru mal-ħajt. Mhux qed iħalluh jaħdem b’dik it-trankwillita tant neċessarja. Fil-waqt li Joseph Muscat qed jinnega kollox u jagħti l-intervisti biex jiskolpa ruħu, Robert Abela jkollu jiffaċċja d-distakk ta’ ħafna partitarji Laburisti li qed jiddistanzjaw irwieħhom mill-partit tiegħu. U ma tantx jidher li Robert Abela qed jirnexxielu, skont dak li hu ħiereġ fl-istħarriġ divers li qed ikollna.

U l-problema kbira ta’ Abela hija li donnu ma hemmx tmiem għal dawn is-sitwazzjonijiet. Kull ma jmur qed joħorġu iżjed u iżjed skandli li ma jagħtu ebda xaqq ta’ tama li ż-żmien ta’ Joseph Muscat għadda imma għal kuntrarju qed jitfaċċaw aktar komplikazzjonijiet li jkomplu jitfgħu piż kbir u stress enormi fuq Robert Abela. Jekk dawn il-problemi kollha hux ser ikunu t-tmiem tas-saltna tal-Partit Laburista forsi għadu kmieni biex inkunu nafuh. Li hu żgur li dan id-dell kollu wara Joseph Muscat qed ikollu effett enormi fuq l-andament tal-Prim Ministru.

Jiġri x’jiġri għada, jew aktar ‘l quddiem, żgur li Robert Abela mhux ser ikun aktar trankwil. Qed jidher dejjem iżjed li qed ikun imwerwer minn dak li ħiereġ u għad irid joħroġ. Ir-renju u d-deċiżjonijiet meħuda fi żmien Joseph Muscat, dak kollu li għamel u għadu qed jagħmel Joseph Muscat, is-skiet u l-paroli ta’ Joseph Muscat jista’ jkollhom effett diżastruż fuq it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela li jistgħu iwassluh biex jitlef il-vantaġġ politiku li hu u l-Partit tiegħu għandhom.

One thought on “L-ikbar tfixkil għal Robert Abela ġej minn ġewwa.

  1. “imwerwer min dak li hiereg u ghad irid johrog” Irsisti daqxejn osservatur ghara jirnexilekx tati palata minflok d’bezzaq ghawn u ara titfax xi pon tajn forsi jehel.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *