Is-sentenza ta’ din il-ġimgħa kontra Fr. David Muscat tikkonferma li l-qrati tagħna tilfu l-awtorita’ morali tagħhom u saru espressjoni oħra ta’ arroganza.
Minn Edwin Vassallo
Bħal ma diġa’ ktibt fuq dan is-sit, f’pajjiżna għadna gvern totalitarju. Dan hu gvern elett kull ħames snin biex imexxi dittatura politika. Nikteb hekk għaliex il-gvern f’Malta għandu l-entitajiet kollha li huma fid-dmir li jieħdu ħsieb l-interessi tan-nies u dawn spiċċaw jieħdu ħsieb l-interessi tal-gvern li jkun ħatarhom.
F’din il-ġimgħa rajna kif imħallfa użat liġijiet oxxeni, li għadda dan il-gvern, maħsuba biex joħonqu l-liberta’ tal-espressjoni, ħalli tagħti sentenza sospiża lil saċerdot.
Imma għala, minkejja dawn l-istejjer kollha li qed nisimgħu, in-nies huma rassenjati? Għala hawn din l-apatija li tfisser qtugħ ta’ qalb? Għax dan hu gvern li l-akbar kapaċita’ tiegħu hija li ma jiekolx waħdu. Din il-kapaċita’ żżomm lil dan il-gvern għaddej b’saħħtu għaliex mill-korruzzjoni qed jieklu u jgawdu ħafna nies. Riżultat ta’ dan kollu huwa li ħafna nies waqgħu fl-apatija minħabba li dan hu gvern li jieħu ħsieb biss l-interessi ta’ klikek imma mhux tan-nies. Dan issa wassal biex, kif rajna, 55% taż-żgħażagħ f’pajjiżna qed juru sfiduċja fil-politika u fl-istituzzjonijiet ta’ dan il-pajjiż. Minkejja dan kollu, dan hu gvern li jibqa’ jagħmel li jrid.
Ma għandna l-ebda entita’ f’pajjiżna, inkluż dik tal-qrati, li baqgħalha awtorita’ morali. Anzi s-sentenza ta’ Edwina Grima dgħajfet kull attentat li għamlu imħallfin oħra tal-qrati tagħna u wrew kuraġġ u kapaċita’ li jiġġildu il-korruzzjoni ta’ dan il-gvern. Grima għażlet triq oħra. Dan għaliex sentenzi ma jistgħux ikunu ibbażati fuq preferenzi suġġettivi, bħal ma rajna din il-ġimgħa, imma fuq fatti. Sentenzi ibbażati fuq preferenzi suġġettivi ta’ persuna jwasslu biss biex il-qrati tagħna jitilfu l-awtorita’ morali tagħhom. “Il-ġustizzja trid issir u tidher li qed issir” iżda f’pajjiżna dan is-sentiment qed jintilef minkejja x-xogħol siewi ta’ ħafna maġistrati u mħallfin. Anzi s-sentiment dejjem qiegħed jikber fost in-nies li l-qrati tagħna qed jitilfu kull sens ta’ ħaqq. Il-mistoqsija fundamentali għan-nies hija li ċertu sentenzi mhumiex motivati minn sens ta’ ġustizzja. Anzi ċertu sentenzi jagħmlu sens biss meta tanalizzahom skont l-interessi ta’ min min ikun hemm warajhom.
Il-waqa’ tal-moralita’ tal-qrati hija akkumpanjata mit-telfa tal-indipendenza tal-gazzetti. Din l-indipendenza llum spiċċat għaliex il-gazzetti tagħna, inkluż l-istazzjonijiet tar-radio u tat-tv, u dawk privati ma għadhomx indipendenti. Dawn illum huma mmexxijin mill-interess tal-istess idejn li l-interessi tagħhom qed jitmexxew fil-qrati tagħna. Dawn l-istess idejn qegħdin wara dan il-gvern. Illum il-gvern sar dipendenti fuq dawn l-idejn moħbija. Illum il-partiti li jiffurmaw il-gvern jiddependu mill-finanzjament ta’ dawn l-idejn moħbija li min-naħa tagħhom jieħdu l-miljuni permezz ta’ deals xejn sbieħ li jagħtihom l-istess gvern. Imbagħad min jagħmel dawn id-deals isib il-protezzjoni tal-pulizija. Anzi b’mod pożittiv, imħallef wera kuraġġ kbir li jieqaf lil din il-korruzzjoni kollha.
Illum anki l-istess NGOs li qed jikkritikaw lill-istess gvern bil-korruzzjoni qed spiċċaw jiddependu mill-flus tal-istess gvern. Illum ħafna jiddependu mill-gvern u dan huwa l-mod ta’ kif il-gvern elett demokratikament jispiċċa jagħmel dittatura bil-pulit. Dak li jiġri meta l-flus jsiru alla tan-nies u ta’ dawk kollha li huma responsabbli min-nies. Dan gvern kapaċi jitfa’ lill-poplu tiegħu f’apatija politika. Kapaċi jitfa’ l-istituzzjonijiet tiegħu f’irresponsabbilita’ morali, billi jgħaddi liġijiet maħsub biex jikkanċellaw ħassieba kritiċi lejn l-istess gvern miċ-ċirkulazzjoni, bħal ma’ hu Fr. David Muscat, u jaf li ser isib nies fl-istituzzjonijiet li lesti jaqduh.
L-unika raġuni li tista’ twassal biex teqred l-korruzzjoni huwa l-attakk kontra l-arroganza. L-arroganza ser tniżżel lill-qrati kif niżlet lill-Knisja u lill-politiċi. Bħal qrati, dawn kienu jiftaħru li huma awtorita’ morali. Iżda dan l-attakk mhux isir fil-futur qarib għaliex f’pajjiżna tlifna kull sens ta’ onesta’ u umilita’. Il-loġika tal-arroganza ġabet fix-xejn saħansitra l-fibra moralli tal-oppożizzjoni. Mhux ta’ b’xejn nikteb li f’pajjiżna sar għandna establishment politiku wieħed, impotenti quddiem il-forza tal-ħażen għaliex intilef kull sens ta’ moralita’. Dan hu fejn wasalna bħala pajjiż fejn xejn ma hu xejn, inkluż sentenza oxxena bħal dik milll-qorti tal-appell li kellna matul din il-ġimgħa.