Qed iberraq għas-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma: il-PN irid jieqaf ikun servili lejn l-Unjoni Ewropea.
Minn osservatur politiku
F’wieħed mill-aħħar rapporti dwar Malta tal-Kummissjoni Ewropea, kellna elenkat it-tifħir li l-Kummissjoni espremiet dwar il-mod kif qed jimxi l-Gvern fejn tidħol l-ekonomija. Is-settur soċjali u l-governanza tajba wkoll ġew imfaħħra. Wieħed irid bil-fors jikkummenta li dak li t-tifħir li ottjena l-Gvern jikxef xi ftit jew wisq il-kritika kontinwa li jagħmel il-Partit Nazzjonalista kontra l-Gvern ta’ Malta.
Biss il-Kummissjoni Ewropea wriet ix-xewqa li l-Gvern Malti jibda jaħseb biex iwaqqaf is-sussidju li qed jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni qed tgħid li l-Gvern għandu jwaqqaf din l-għajnuna sal-aħħar ta’ din is-sena. Imma kif appena ntweriet din ix-xewqa mill-Kummissjoni l-Prim Ministru Malti rrisponda mingħajr ħafna ħela ta’ ħin.
Huwa qal li ma jaqbilx mal-Kummissjoni u mhux beħsiebu jirrispondi fil-pożittiv għal din ix-xewqa tal-istess Kummissjoni. Robert Abela għamilha ċara li ma għandu ebda ħsieb li jwaqqaf dan is-sussidju. Huwa esprima l-fatt li dan is-sussidju kellu effett tajjeb ħafna fuq il-poplu u mhux talli mhux beħsiebu jwaqqaf dan is-sussidju din is-sena, talli esprima l-ħsieb tiegħu li dan l-istess sussidju jibqa’ għaddej anke fl-2024.
Dan ipoġġi l-paroli li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq livell totalment differenti għax huwa kien qal li la l-prezzijiet qed jiżdiedu minn barra allura din iż-żieda fil-prezzijiet għandha tgħaddi lill-poplu kollu Malti u Għawdxi. Dan il-fatt joħroġ ċar id-differenza li teżisti bejn dak li jagħmel il-Gvern u kif kien ikun qed jaġixxi l-Partit Nazzjonalista kieku qiegħed fil-Gvern.
Hawnhekk għandna differenza ċara bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Wieħed ħares lejn dak li jirrifletti tajjeb fuq il-poplu waqt li l-ieħor wera kemm lest li jkun servili lejn il-Kummissjoni Ewropea li f’dan il-każ ma kienetx wisq favur il-poplu. Kellna prova ta’ kemm il-Gvern għandu l-intenzjoni li jieqaf mal-poplu u ma jħalliex l-istess poplu jitfarrak taħt dan l-għoli tal-prezzijiet. Wieħed ma jistax ma jaqbilx mal-Gvern tal-ġurnata għad-deċiżżjoni li ħa. Bil-fors ikollok tirrispetta li l-Gvern qed jidħol għal piż finanzjarju qawwi biex jaġevola lill-poplu kollu.
Hawnhekk għandna Partit Nazzjonalista li jsibha diffiċli biex jeħodha kontra dak li tgħid il-Kummissjoni Ewropea. Imma dan il-Partit hemm bżonn li jibda jirrifletti fuq dak li jagħmel ġid lill-poplu Malti u Għawdxi qabel jara li jkun lest li jappoġġja lill-Kummissjoni f’kollox. Dan il-fatt poġġa lill-Partit Nazzjonalista fi żvantaġġ elettorali għaliex il-poplu jrid ikun ċuċ biex jaċċetta din it-tip ta’ politika mill-Partit Nazzjonalista. Għalhekk il-votant intelliġenti jaf fejn għandu jħares għall-ġid tiegħu.
Malta trid tipprotegi lill familji Maltin bhall dawk Il pajjizi li ghandhom l’industria Tal armamenti li jipprotegu din l’industria taghhom u Il haddiema taghhom