Mater Dei u s-servizzi tas-saħħa

Minn Osservatur politiku

Bħalissa għandna lista twila ħafna ta’ stennija ta’ operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei. Hemm madwar 8,500 pazjent li qed jistenna biex ikollu intervent mediku. Dan ifisser li dan l-ammont kbir ta’ nies qed jistennew li jiġu mgħajta mill-isptar biex jirċievi s-servizz mistħoqq. Ir-raġunijiet li għalihom hemm dan id-dewmien huma varji.

Din l-informazzjoni ħarġet minn risposta għall-mistoqsija parlamentari f’dawn l-aħħar ġranet. Ovvjament intalbet informazzjoni sa dak in-nhar tar-risposta kemm hemm nies li qiegħdin fuq il-lista tal-istennija fl-isptar Mater Dei. Dan it-tul ta’ stennija qed imur kontra dak li jistipula l-Patient Charter fejn jidħlu interventi ta’ operazzjonijiet.

Fl-aħħar snin, meta konna għaddejjin mill-pandemija, dawn l-operazzjonijiet bil-fors li waqgħu lura u dan kien mistenni u aċċettabbli. Imma issa l-pandemija għaddiet u l-istess pandemija ma tistax tibqa’ tintuża bħala skuża għal dan id-dewmien kollu. Nistgħu nsemmu wkoll, bħala fatt, li kien hemm azzjonijiet industrjali mill-infermiera u l-qwiebel li setgħu wkoll telfu mis-servizz mistenni tal-operazzjonijiet. Fil-fatt minħabba dawn l-azzjonijiet kien hemm ħafna operazzjonijiet li kellhom jiġu posposti. Fil-fatt minħabba n-nuqqas ta’ infermiera, pazjenti kienu qed jiġu mibgħuta lura d-dar għax ma kienx ikun hemm biżżejjed infermiera biex jattendu l-operazzjonijiet.

Nafu wkoll li dawn l-azzjonijiet ġew irtirati bl-iskop li jintlaħaq xi kwalita’ ta’ ftehim. L-isfortuna hi, la sa issa għadhom ma sabux soluzzjoni biex isolvu dan l-impasse. Sa issa la l-Gvern u lanqas l-MUMN għadhom ma ppronunzjaw irwieħom li hemm xi xaqq dawl għal ftehim. Dan jista’ jfisser li azzjonijiet oħra jerġgħu jittieħdu u jerġa’, għal darba oħra, jbati l-pazjent.

Ma aħna b’ebda mod nikkritikaw lill-infermiera li qed jagħmlu t-talbiet tagħhom u jagħmlu l-azzjonijiet imma bil-fors irridu ngħidu li dawn l-istess azzjonijiet kienu il-kaġun ta’ iktar stennija għall-operazzjonijiet. Li nixtiequ naraw, kemm jista’ jkun malajr, huwa l-impenn taż-żewġ naħat biex tinstab is-soluzzjoni ħalli ma jkunx hemm għalfejn il-poplu jerġa’ jgħaddi minn diffikultatjiet u postponimenti.

L-awtoritajiet iridu jifhmu l-istress u l-anzjeta’ enormi li jkunu għaddejjin minnhom il-pazjenti li jkunu qed jistennew xi intervent, żgħir jew kbir. Mingħajr ebda dubju dawn il-postponimenti jħallu effett agħar fuq il-pazjent. Hemm bżonn malajr li jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet neċessarji biex l-ammont ta’ operazzjonijiet li huma mistennija isiru, jittieħed bis-serjeta’ ħalli jitnaqqas kemm jista’ jkun malajr id-dewmien. Jibqa’ fatt ukoll li jista’ jkun li meta l-perjodu ta’ stennija jitwal, is-sitwazzjoni medika tal-pazjent tmur għall-agħar.

Mela kif diġa’ għidna, l-awtoritajiet konċernati jridu jaraw x’jagħmlu biex dan il-perjodu ta’ stennija jiqsar kemm jista’ jkun, kif ukoll jaraw li dan l-istess perjodu ma jerġax jibda jitwal għal ebda raġuni. Irridu niftakru kemm bħala pajjiż konna dejjem fuq quddiem fis-servizz tas-saħħa tagħna. Dejjem ftaħarna kemm nieħdu ħsieb il-pażjent u li nagħtu servizz ‘state of the art’ fl-isptar prinċipali tagħna. Irridu nagħmlu ħilitna kollha biex inżommu dan il-livell. It-tobba, l-infermiera u l-paramediċi dejjem għamlu l-almu tagħhom kollu biex is-servizz tas-saħħa jkun professjonali. Dejjem għamlu s-sagrifiċċji neċessarji biex dan is-servizz jibqa’ tal-għola kwalita’. Għalhekk kulħadd irid jaħdem biex dan is-servizz jibqa’ tajjeb u b’saħħtu għall-ġid tal-poplu u għall-isem impekkabbli li kellna f’dan il-qasam.

One thought on “Mater Dei u s-servizzi tas-saħħa

  1. Kullinkwa serviz jaqa lura u ibati meta ikun emm il-bsaten fir rotti. Sfurtunatament emm min jihu gost bil bdaten fir rotti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *