Ilbieraħ għola il-prezz tal-ħalib u prodotti oħra tal-Benna

Minn osservatur politiku

Ilbieraħ kien l-1 ta’ Ġunju u l-prodotti ta’ Benna għolew kollha. Din il-kumpanija qed tgħid li ma tistax tassorbi iżjed l-ispejjeż ta’ produzzjoni u tal-operat tagħha. Hemm varjazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet imma mingħajr ebda dubju kull min jagħmel użu minn din il-produzzjoni tal-Benna ser jara prezz iktar għoli minn dak ta’ qabel.

It-tmexxija ta’ din il-kumpanija qalu li qed dejjem jiffaċċjaw żiedet fil-produzzjoni tagħhom b’tali mod li ma jistgħux ikomplu jżommu il-prodotti tagħhom fl-istess prezz u jassorbu l-ispejjeż kollha huma. Allura ma kellhomx triq oħra ħlief li jgħollu l-prodotti kollha tagħhom li għandhom fis-suq Malti. Hawnhekk qed nitkellmu fuq prodotti li kulħadd jiġi bżonnhom, miż-żgħir sal-kbir. Kull min qed jgħix fil-pajjiż ser iħoss din iż-żieda fi prodott li jintuża kontinwament. Għalhekk din iż-żieda ser tolqot ħażin lil kulħadd.

L-għoli tal-ħajja ilu fuq fomm kulħadd għal dawn l-aħħar xhur. Pajjiżna, bħal pajjiżi oħra, qed jara żiedet, anke qawwija, fi prezzijet tal-affarijiet. Donnu l-aktar li qed jintlaqtu huma l-affarijiet marbutin mal-ħajja ta’ kuljum fejn jidħol l-ikel. Il-klient Malti ilu jsemma leħnu li l-għoli tal-ħajja sar xi ħaġa nkwetanti ħafna u li qed tolqot ħażin lil konsumaturi kollha. Huma ħafna dawk il-konsumaturi li qed iħossu l-weġgħa tal-għoli tal-ħajja u qed jirrikorru għand il-Gvern biex jagħmel xi ħaġa fuq dan l-aspett.

Din iż-żieda fil-prezzijiet qed tnaqqas il-valur tal-flus li jirċievi f’idejh il-ħaddiem. Dak li kien jgħaddi bih fil-ġimgħa ma għadux biżżejjed għall-ħajja li qed ngħixu bħalissa. Iż-żidiet naqsu s-saħħa tal-flus li jkollok fil-but. L-inflazzjoni qed tagħmel tagħha. Tant hu hekk li għal din is-sena kellna l-ikbar żieda fil-COLA li qatt esperjenza pajjiżna. Din iż-żieda kienet neċessarja jekk irridu li b’xi mod inkomplu niffaċċjaw il-ħajja ta’ kuljum.

U għalkemm il-Gvern wieżen lil poplu kollu, xorta jibqa’ il-fatt li fadal familji li qed ibatu minħabba dawn iż-żiediet fil-prezzijiet. Fadal familji li qed isibu diffikulta biex jiffaċċjaw l-ispejjeż tagħhom ta’ kull ġimgħa u qed isiru ħafna sagrifiċċji biex kulħadd jipprova jgħix minn xahar għall-ieħor.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *