“Illum mhux il-bibien spiċċaw revolving, iżda l-uffiċini u l-karigi spiċċaw bla bibien u bla twieqi biex kulħadd jidħol u joħroġ kif jaqbillu.”

Minn Edwin Vassallo

“X tistennew meta f’pajjiżna l-modernizmu jfisser il-qerda tal-valuri.” Tiftakru il-kliem “the end justifies the means“? Tiftakru lill-ġurnalisti tal-hekk imsejħa media indipendenti jgħajruni “dinosawru”? IIlum nħares lura u ngħid aħjar “dinosawru” milli “ħanżir.” Għaliex illum, il-moderniżmu fil-politika spiċċa jissarraf f’politiċi mingħajr l-ebda sens ta’ x’inhu ħażin. L-unika skop li fadal fil-politika huwa li titħanżer. .Jien kburi li l-ġurnalisti kienu jgħajruni u jirredikolawni bil-kelma dinosawru. Fil-verita’ kienu qed juru tassew min jien, jiġifieri politiku li kont u għadni nemmen fil-valuri umani u fid-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Illum l-għażla hija li tkun dinosawru jew ħanżir. Nippreferi li ma nkunx ħanżir. Iżda biex wassalna sa hawn, kien hawn ħafna li ħadmu biex qegħdin fejn qegħdin illum

Issa troppo tardi. Issa il-ġurnalisti qed jitkellmu kontra l-ħnieżer. Illum il-ġurnalisti qed jitkellmu kontra r-revolving doors meta huma stess jipprattikawhom. Issa naħsdu li żrajna. Issa naraw eks-ġurnalisti jmorru ma’ żviluppaturi bħal ma’ għamel Christian Peregin. Dan ma ddejjaqx imur jitħanżer u jmaxtar ġewwa tieġ ta’ iben ta’ kuntrattur ewlieni s-Sibt li għadda ġewwa l-Birgu. U l-anqas kien l-uniku ġurnalista liberali li attenda dan it-tieġ. Mela dawn mhux ukoll revolving doors? Imma dawn kienu jgħajru, permezz tal-media, lil min ma riedx jimxi mal-valuri liberali tagħhom bħala dinosawri.

Issa għandna eks-Prim Ministri jagħti l-pariri lin-negozanti l-kbar x’jagħmlu. Heqq qed jagħmel kif għamel Christian Peregin u sħabu! Jipprattika r-revolving doors.

Fuq kollox, illum fil-ħajja jiswa daqskemm għandek flus, u tkun mgħajjar baħnan u dinosawru jekk ma taħdimx għall-flus. Dan huwa l-moderniżmu. Issa naħsdu li żrajna. Issa meta kien jaqbel l-istess media liberali kitbet favur Muscat u meta qablilha tkellmet kontra tiegħu. Imma l-ġurnalisti ta’ din il-media liberali huma bħal Muscat. Anki huma jipprattikaw ir-revolving doors. Meta ma jkunux minn fuq, jitkellmu kontra l-revolving doors. Imma meta r-riħ jiġi mill-poppa, hemmhekk ir-revolving doors ma jibqgħux problema.

Illum mhux il-bibien spiċċaw revolving, iżda l-uffiċini u lkarigi spiċċaw bla bibien u bla twieqi biex kulħadd jidħol u joħroġ kif jaqbillu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *