L-Establishment Politiku f’Pajjiżna tilef il-boxxla morali tiegħu.

Minn Edwin Vassallo

L-establishment politiku ma jridx li l-poplu jiffaċċja l-verita’ iżda jrid li l-poplu jibqa’ jgħix f’aljenazzjoni. Pajjiżna qed jiffaċċja kriżi ta’ defiċit finanzjarju, morali, soċjali, ambjentali. Dan id-defiċit ifisser kaos soċjali riżultat ta’ politika ta’ diżumanizzjoni li għaddejjin minnha. Artikli dwar suġġetti bħal dawn mhux ser issibuhom pubblikati fil-media woke li l-iskop tagħha huwa biss li tiddefendi lill-baqra li jisimha gvern. Illum, il-gvern huwa l-akbar sponsor tal-media stabilita’ li hija parti mill-establishment politiku f’pajjiżna.

Dan il-kaos soċjali, moralli, finanzjarju u ambjentali qed jgħerri lis-soċjeta’ tagħna mill-għeruq tagħha.
Wassalna sal-punt li għandna l-identita’ tagħna f’riskju li nitilfuha u hekk inkunu tlifna dak kollu li jagħmilna poplu, nazzjon differenti minn oħrajn. Quddiem dan l-inkwiet kollu, il-media tal-establishment politiku spiċċat magna propagandistika biex talljena lillpoplu, Għalhekk il-media tal-liberali u l-istazzjon tat-TV tal-istat qed jagħtuna artikli u programmi maħsuba li jpaxxu l-kurżita’ sesswali.

Illum l-establishment politiku qed joffri l-pjaċiri sesswali bħala mezz biex jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Jaħbi l-verita’ ta’ dan il-kaos bil-pjaċiri bħal ma kienu jagħmlu l-imperaturi Rumani meta kienu jgħerru lill-poplu billi joffrulu l-ispettaklu ta’ logħob mimli dmijja u tqassim tal-ħobs b’xejn. Il-logħob u l-ħobż kienu maħsuba biex ixebbgħu lill-poplu u jimlew żaqqu. Fuq kollox, l-Imperaturi Rumani riedu jpaxxu s-sensi tal-poplu billi joffru spettaklu fejn il-gladjaturi joqtlu lil xulxin. Iżda meta l-imperaturi waqgħu, il-falżita’ waqgħat magħhom u l-poplu bata l-ġuħ u l-għajb tat-telfa tal-kbar.

Pajjizna hekk qed jiġrilna. Ngħixu fl-aljenazzjoni maħluqa mill-falżita’ tal-politika. Mill-politiċi li jidħlu fil-politika jwegħdu l-bidla li tiswa’ ta’ ġid għalihom biss. Persuni li jersqu lejn il-politika biex jinqdew bil-politika biex huma jmorru tajjeb u min hu diġa’ kbir jikber u min qiegħed fil-periferija tas-soċjeta’ jispiċċa jitwarrab mis-soċjeta’.

Il-ħtija ta’ dan il-falliment ta’ pajjiżna hija l-falżita tal-establishment politiku kollu bl-allejati tiegħu. Illum, kull entita’ li hija awtorita’ tilfet l-awtorita’ morali tagħha. Għaliex il-falzita’ ħadet over il-ġenwinita’.

Quddiem dan kollu, mhux nkomplu ndeffsu rasna fir-ramel irridu, imma neħtieġu nqumu u ngħajtu “hawn aħna, irridu nsalvaw poplu, pajjiż, ġenerazzjoni milli tkompli tintilef“.

climate sign outside blur
Photo by Markus Spiske on Pexels.com

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *