Il-Partitarji Laburisti jridu jieqfu jiddefendi l-kuntratt oxxen tal-isptarijiet

Minn osservatur politiku

Kull tip ta’ votant, jekk hux Laburist, Nazzjonalist jew floater qed jistaqsi lill-Gvern biex ipoġġi fuq il-mejda u jiddikjara dak kollu li jaf dwar is-saga tal-isptarijiet. Huma ħafna dawk in-nies li ma jistgħux jaċċettaw il-makakkerija li toħroġ minn fomm ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista biex jippruvaw jiddefendu rwieħom minn dan l-iskandlu tas-seklu. Huma ħafna dawk li ma jistgħux jifhmu kif il-Prim Ministru u sħabu fil-Gvern ma joħorġux dak kollu li jafu ħalli forsi din is-saga tal-isptarijiet nitfgħuha wara daharna u nibdew kollox mill-bidu.

Għandu jkun il-Prim Ministru l-ewwel wieħed li jikxef u jpoġġi fuq il-mejda għall-informazzjoni ta’ kulħadd dak kollu li jaf, dak kollu li ddiskuta u dak kollu li kkonkluda ma’ Vitals u Steward. Għandu jagħmel dan biex il-poplu jkun jaf mingħajr aktar dewmien, min kien involut direttament f’dawn il-kuntratti, min ta l-appoġġ tiegħu u min ma għamel xejn biex iwaqqaf din is-serqa enormi.

Kulħadd għandu jirrispondi għal għemilu. Kulħadd għandu jiffaċċja l-ġustizzja biex jieħu dak li ħaqqu. Kulħadd għandu jiffaċċja lill-poplu biex anke politikament jiġi ġġudikat. Ma jistax ikun li għax tkun fil-Gvern tista’ tagħmel dak li trid. Ma jistax ikun li politiċi jgħattu lil ta’ qabilhom jew lil sħabhom affarijiet li jmorru kontra l-ġid tal-poplu u tal-pajjiż. Hemm bżonn li taqa’ l-maskra u jinkixef kull min kellu idejh fil-borma.

L-oppożizzjoni għamlet u qed tagħmel l-almu tagħha. Ma tistax tagħmel iżjed minn dak li għamlet. Adrian Delia kien kapaċi bid-determinazzjoni tiegħu li jġib l-isptarijiet lura u rregalhom lura lill-poplu Malti u Għawdxi. Kull aspett legali qed jiġi konsidrat biex jippruvaw iqajmu mir-raqda lil min ma jridx jew mhux lest li jċaqlaq l-ilma. Qed jagħmlu minn kollox biex kull min kien involut f’dan il-fjask jinżamm kontabbli ta’ għemilu u jieħu dak li hu xieraq għalih.

Imma din is-saga mhux ser tkun kjarifikata jekk l-awtoritajiet konċernati mhux ser iqumu minn dik it-tutibazzjoni jew raqda assoluta biex jieħdu dawk l-azzjonijiet neċessarji biex iressqu lill-involuti quddiem l-awtoritajiet. Donnu l-kabinett mhux lest li jsemmi bid-dettalji kollha dak kollu li għadda minn quddiemhom. Fost kulħadd dawn għandhom ikunu jafu kemm qed joħolqu ħsara lill-pajjiz dawn l-azzjonijiet frawdolenti. Jekk verament iħobbu lil pajjiżhom għandhom ikunu l-membri tal-kabinett li jitfgħu dak id-dawl neċessarju biex tiġi fi tmiemha din is-saga.

Barra minn dawn hemm ukoll l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija li għandhom jagħmlu dmirhom u jressqu lil min kien involut quddiem il-ġustizzja. Ma tantx tidher li hemm ħeġġa min-naħa ta’ dawn iż-żewġ awtoritajiet li jagħmlu dmirhom f’dan il-każ partikulari. Donnhom għadhom jaraw kif isibu kull skuża biex ma jagħmlux dmirhom, għalkemm minn dak li ħareġ sa issa jidher ċar li każ għandhom biex iressqu lin-nies.

Imma jagħmlu x’jagħmlu l-verita fl-aħħar toħroġ. Fl-aħħar is-sewwa jerbaħ żgur. Imma iktar ma ttawwal iktar agħar għall-pajjiż. Ta’ min jiddikjara wkoll li jekk ser ikomplu jtawwlu hemm possibilita’ kbira li iktar joħroġ tellief il-Partit Laburista.

2 thoughts on “Il-Partitarji Laburisti jridu jieqfu jiddefendi l-kuntratt oxxen tal-isptarijiet

  1. Il-kuntratti tal-isptarijiet kien wieħed oxxen għall-aħħar u dwar dan m’hemm l-ebda problema. Il-Gvern għadu biċ-ċans li jikseb ir-rispett u kredibilita’ jekk jirnexxielu jikseb dak li n-nies qed jistennew! Pera’ mhux l-uniku skandlu li jeżisti u jekk tħares lejn l-iskandli taż-żewġ partiti fil-gvern tiġbor kullana kbira minnhom!! Il-faxxa ta’ nies li tilfu l-fiduċja fihom dejjem qed tiżdied u ser tkompli tiżdied!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *