L-Isfiduċja taż-żgħażagħ fil-politika
Minn Edwin Vassallo
Skont l-aħħar survey tal-Malta Today tal-Ħadd li għadda, 55.5% taż-żgħażagħ f’pajjiżna qed jisfiduċjaw il-messaġġ politiku. Dan seħħ minkejja li l-establishment politiku f’pajjiżna ta liż-żgħażagħ tagħna ideoloġija liberali fejn il-messaġġ ewlieni kien il-liberalizzjoni sesswali. Din id-duttrina ġdida ġiet ippreżentata lilhom bħala li tfisser li miċ-ċenturin ‘l isfel jistgħu jagħmlu li jridu. Magħha kellna l-liberalizzazzjoni tal-ħaxixa u l-ideoloġija tal-ġeneru. Dawn kollha kienu għajtiet lejn iż-żgħażagħ. U minkejja dan kollu, nerġa’ ngħid, 55.5% taż-żgħażagħ sfiduċjaw din il-loġika woke.
Issa min ma jridx jinkwieta dwar din il-qagħda politika għaliex iblah, jew għaliex irid jgħix f’aljenazzjoni, dik affari tiegħu. Imma jekk mhux ser naffaċċjaw il-verita’, ser ngħerqu politikament, soċjalment, moralment, finanzjarjament u ambjentalment.

F’pajjiżna irridu niffaċċjaw il-verita’ u ma nibqgħux ngħixu fil-falżita’ politika. Irridu jew ma rridux, illlum jew għada ser jkollna nsarrfu kull deċiżjoni politika li ttieħdet fl-aħħar snin. Dawk li daħlu fil-politika jemmnu li the end justifies the means u għamlu minn kollox biex il-ħażin jagħmluh normalita’. Issa rridu niffaċċjaw l-agħar akkuża ta’ korruzzjoni, dik ta’ fejn il-ħażin qed ikun ippreżentat bħala is-sewwa.
Min daħal fil-politika jemmen li spiċċa ż-żmien il-valuri. Nista’ ngħidlu biex jaħseb sewwa fl-ġejjieni tiegħu fil-politika. Lill-ġurnalisti liberali li għajruni dinosawru aħjar jaraw kif jagħmlu l-kontijiet ma x’qed jgħid dan is-survey.
55.5 % taż-żgħażagħ qed jisfiduċjaw lil dan kollu.
55.5% taż-żgħażagħ qed jisfiduċjaw il-prodott politiku tal-establishment politiku kollu.
55.5% taż-żgħażagħ tagħna ma għandhomx fiduċja fil-politika f’pajjiżna.
Min mhux jinkwieta aħjar jaħseb sewwa x’inhu l-iskop tiegħu fil-politika jew fil-ġurnaliżmu.
Liż-żgħażagħ tagħna ngħidilhom biex ma jirtirawx u ma jaqgħtux qalbhom mill-ġejjieni tagħhom u mill-politika f’pajjiżna, iżda nitlobhom jersqu ‘l quddiem biex ikunu protagonisti fit-tfassil tal-pjan politiku ta’ pajjiżna.
Lil min jixtieq il-ġid lill-pajjiżna, ngħidlu biex ma nibqgħux ngħalqu għajnejna, widnejna u ħalqna u nirrikorru għall-aljenazzjoni. Finalment, dak li tfisser il-ħaxixa bħala prodott rikreazzjonali.
Issa ġejjin il-festi, it-tbaħrit li jġib miegħu s-sajf. Ejjew nifhmu li għandna pajjiż x’nifdu u mhux neqirdu.