Għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija Gafa’ għadu ma ressaq lill-ħadd fuq il-kuntratt frawdolenti tal-isptarijiet?
Minn osservatur politiku
Sentenza skjetta tal-qorti u tliet rapporti voluminużi tal-Awditur Ġenerali donnhom ma kienux biżżejjed għall-Kummissarju Gafa biex jressaq ċertu nies fil-każ frawdolenti tal-isptarijiet. Ma jistax ikun li l-Kummissarju ma sabx biżżejjed materjal fuq xhiex iressaq b’arrest individwi li kienu mdaħħlin f’dawn il-kuntratti meqjusa maħmuġin.
Il-pulizija issa ilhom aktar minn ħames snin jinvestigaw dawn il-kuntratti. Is-sentenza tal-Imħallef u r-rapporti tal-Awditur żgur li għenu lill-pulizija b’biżżejjed munizjoni biex jippuntaw subgħajhom fuq dawk kollha nvoluti. Dan apparti dak kollu li ħareġ fuq il-medja fejn kwantita kbira ta’ informazzjoni ġiet imxerrda matul is-snin. Issa wasalna fi stat li l-affarijiet qed jirrendu lilhom infushom fi stat tal-biki.
L-istorja waslet f’sitwazzjoni fejn jekk ser inkomplu ntawlu, ser jintbagħat messaġġ perikoluż li l-pulizija ma humiex effiċjenti u addirettura nkompetenti. Allaħares naslu biex ikollna xi indikazzjoni li din hija kollha riżultat ta’ cover-up. Wara dan iż-żmien kollu wasalna fi stat fejn nistennew mill-pulizija li kif appena jressqu lil xi ħadd ser ikollhom każ mibni tajjeb, b’ħafna informazzjoni u li jkun mimli b’evidenza konkreta. Allaħares nħarsu lejn din is-saga b’xi ħsibijiet li min-naħa tal-pulizija ma hemmx ħeġġa jew hemm il-ħsieb li jekk tittawwal din is-saga tmut mewta naturali.
Ma nistgħux inqisu din l-istorja bħala żball banali li wettqu xi politiċi. Ma nistgħux inqisu dawn id-deċiżjonijiet bħala nkompetenti jew indifferenti. Jekk ma ma nagħtux l-importanza neċessarja lil dan il-każ, kull ma jkun qed isir hu li nagħtu benefiċċju mhux mistħoqq lil minn għandu idejh fil-borma tat-taħwid jew lil dawk li ppermettew li dawn il-balbuljati jsiru jew iffaċilitaw li jsiru.
Dawk li hemm suspetti fuqhom għandhom responsabilita’ mhux biss kriminali imma anke politika. Bil-fors li r-responsabilita politika trid tintrefa’ f’dan il-manuvrar kollu. B’xi mod jew ieħor din is-saga qed tersaq iżjed u iżjed lejn Joseph Muscat li kien il-kap tal-Gvern. Imma l-kolpa qed tidher li ddur miegħu minħabba wkoll il-ħlasijiet li ddikjara li rċieva u mill-kuntratt li rajna ma’ min kien imdaħħal f’din l-istorja. Dawn il-ħlasijiet saru eżattament kif irreżenja minn Prim Ministru u allura bil-fors li jitfgħu suspetti konkreti.
Fuq kollox rajna l-mod kif Joseph Muscat prova jiddefendi ruħu. L-uniku arma li uża kienet li jipprova jġiegħel lil Maġistrat tirrikuża ruħha, xi ħaġa li ma rnexxielux. Imma ma jistax ikun li kollox jibda u jispiċċa ma’ Joseph Muscat għax skond dak li qed jixxandar fuq il-medja jidher li hemm ħafna iżjed nies involuti. Huwa mportanti li kull min b’xi mod deher li kien imċappas għandu jersaq quddiem il-ġustizzja biex jekk kien involut jieħu dak li ħaqqu.
Nahseb li meta hargu l-applikazzjoni ghal-kummissarju tal-pulizija missek applikajt.
Tidher tifhem!!!
Ghax li tghid ir Repubblika hi irrelevanti
Ghax il – Kummissarju ghandu idejh Marbuta u bla sahha.
Għax qed jistenna l-inkjesta Maġisterjali tingħalaq.
Mela għala kontra Yorgen Fenech il-pulizija mexxiet meta l-inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadha miftuħa?