Iż-żieda fuq il-prezzijiet tal-ikel fir-restoranti qed toħloq pressjonijiet fuq l-Assoċjazzjonijiet marbuta mas-settur.
Minn osservatur politiku
Il-President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilmenti tal-Catering u l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti qalulna li r-raġuni prinċipali wara ż-żieda fil-prezzijiet tar-ristoranti hija ż-żieda fil-prezzijiet f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ikel u ingredjenti oħra.
Dawn iż-żewġ presidenti jinkwitaw meta jisimgħu l-kritika tal-poplu ġenerali. Huma jitħassbu meta jaqraw li l-Maltin u l-Għawdxin qed joħduha kontra s-sidien tar-ristoranti għal din iż-żieda li qed ikun hemm u li qed ibagħtiha l-konsumatur. Dawn qalu li din iż-żieda li qed issir mhux qed issir b’kapriċċ imma għax verament ir-restoranti ma jkunux jistgħu jassorbu ż-żidiet fil-prezzijiet ta’ affarijiet neċessarji għalihom li qed ikun hemm.
Meta taqra il-medja soċjali tinduna kemm issir kritika lir-restoranti minħabba dawn iż-żidiet. Ħafna qed iqabblu l-preżżijiet imħallsa f’Malta ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra. Qed ikun hemm ħafna kritika li f’pajjiżi barra minn Malta tħallas ħafna nqas biex tiekol milli tħallas hawn Malta. Għalhekk ikun hemm ħafna mistoqsijiet għaliex qed jiġri dan u għaliex il-Malti għandu jħallas daqstant iżjed biex jiekol f’restorant hawn Malta.
Il-President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilmenti tal-Catering kompliet tgħid li min jissuplixxi qed jesperjenza żidiet qawwija minn barra. Dan jgħaddihom fuq is-sidien tar-restoranti u ovvjament jispiċċaw imorru fuq il-konsumatur. Barra minn hekk, il-pagi tal-impjegati wkoll qed jogħlew. Hija sostniet li huwa żball min jaħseb li l-impjegati f’dan il-qasam ta’ xogħol jitħallsu bil-minimum wage. Kompliet tgħid li llum lanqas dishwasher ma ssib jaħdem bil-minimum wage. Fuq kollox dawn l-impjegati ħaqqhom paga dinjituża għax-xogħol li jagħmlu.
Il-President tal-MHRA semma l-istess argumenti. Huwa qal li l-prezzijiet tal-ikel qed jiżdiedu mad-dinja kollha u Malta ma hiex eċċezzjoni. Huwa sostna li l-inflazzjoni ġejja minħabba l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija. Dan il-President kompla jgħid li Malta, peress li hija gżira, żdieditilha l-problema tat-trasport tal-oġġetti. Huwa kompla jgħid li biex tiġi mitigata kemm jista’ jkun din il-problema, hemm bżonn li l-Gvern inaqqas it-taxxa tal-VAT għar-ristoranti. Din id-deċiżjoni diġa’ ttieħdet f’pajjiżi oħra barranin bħalma huma l-Irlanda u l-Islovakja filwaqt li l-Estonia qed tikkonsidra tagħmel l-istess. B’dan il-mod jitnaqqas jew jittaffa l-effett tal-inflazzjoni għolja fuq ir-ristoranti.
