Where your opinion counts

Sammy Meilaq għandu raġun: illum Malta mmexxija mill-“butisti”.

Minn osservatur politiku.

Meta f’Marzu tal-2023 it-trejdunjonista Sammy Meilaq kien qal li dawk li jisirqu lill-poplu Malti u Għawdxi ma jistgħux jissejħu Nazzjonalisti jew Laburisti iżda ‘butisti’ ma kienx qed jgħid ħażin. Huwa kien tkellem wara li kienet ħarget is-sentenza tal-Imħallef Depasquale dwar l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Kien tkellem waqt konferenza msejħa minn grupp ta’ soċjalisti, xellugin u progressivi. Huwa fisser li dan it-titlu jixirqilhom għax jemmnu f’politika li, l-ewwel u qabel kollox, hija dik tat-tħaxxin ta’ bwiethom.

Ir-renju tal-‘butisti’ ma hiex xi ħaġa ġdida għax kienu diversi l-politiċi li ħasbu fi bwiethom qabel ħasbu fil-ġid tal-pajjiż. Kien hemm diversi atti skandalużi li twettqu u li ġew imfissra bħala rgħiba għal flus u mhux għax kienu ta’ ġid għall-partit jew għall-pajjiż. Niftakru tajjeb li l-Partit Nazzjonalista ta’ żmien Gonzi kien ta lil ta’ madwaru dawk il-famużi €500. Xi ħaġa li kellha titwaqqaf minħabba l-kritika li żbroffat minħabba dik id-deċiżjoni.

F’dan l-aħħar żmien kellna l-famuża privatizzazzjoni tal-isptarijiet li fiha xamma qawwija ta’ ‘butiżmu’ u mhux ġid għall-pajjiż. Id-deċiżjoni li kienu ħadu Muscat, Mizzi u Schembri ħasdet lil diversi nies u mill-ewwel kien hemm xamma tinten wara dawn il-kuntratti. Taħt din is-saga l-poplu Malti u Għawdxi issa nafu li tilef ‘l fuq minn 400 miljun euro u spiċċa ma ħa xejn minn dawn l-azzjonijiet frawdalenti.

Kienu ħafna d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet politiċi li għinu kemm felħu lil dawn il-‘butisti’. Niftakru tajjeb dak li Gvern Nazzjonalista għamel fl-2006 meta tbiddlu l-pjanijiet lokali li għadna nsoffru minn dik id-deċiżjoni sal-lum. Lanqas nistgħu ninsew kif fl-2013, kif appena tela’ fil-Gvern Joseph Muscat, hu firex it-tapit l-aħmar lil dawn il-‘butisti’ kollha bl-għajta li l-Partit Laburista sar ‘pro-business’. Illum nistgħu ngħidu li l-‘butisti’ saru ħaġa waħda mal-klassi politika. It-tnejn ħsiebhom biss kif jaraw kif ser jikkonfoffaw sabiex tirrenja ir-rgħiba.

Għandna eżempji oħra li jistgħu jirriflettu kif jaħsbu dawn il-‘butisti’ biex idawwru l-flus. Kemm qed naraw siġar jinbidlu ma’ krejnijiet biex jinbena kull ma hawn bl-addoċċ. Kemm qed naraw tarmak jitpoġġa flok trejqiet fil-kampanja jew flok il-bankini. Kif it-traffiku qered it-toroq ta’ pajjiżna u ma għadekx tara l-anzjani u t-tfal tagħna jinġabru jgħidu kelma jew jilgħabu f’dawn l-istess toroq kif konna mdorrijin naraw qabel. Kif ma għadekx tara nies jippassiġġaw komdi jew rikbin ir-roti minħabba dan l-isfreġju li għaddej kullimkien. Lanqas Kemmuna ma ħelsitha minn dawn it-tip ta’ ‘butisti’.

Dan ir-renju tal-‘butisti’ kien u għadu magħna. Nistgħu ngħidu mingħajr tlaqliq li dawn il-‘butisti’ huma ħbieb ma kull naħa tal-ispektru politiku. Dan ir-renju nfirex ma’ kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Dan ir-renju ilu li wasal Kastilja mhux f’dawn is-snin biss. Biss illum forsi sar iktar ovvju li l-awtoritajiet diversi li għandna f’pajjiżna qed jaġevolaw ħafna iktar malgħajr lil dawn in-nies a skapitu tal-poplu kollu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *