Il-media tal-Knisja trid tieqaf tkompli tagħmel titli puerili biex tattakka lill-gvern.
Il-media tal-Knisja Maltija tatna l-aħbar kbira li l-Prim Ministru, Robert Abela, nefaq ftit aktar minn disa’ t’elef euro fuq ritratti personali, imma ma ngaġġax fotografu. Naħseb li bħala gvern, Robert Abela għandu l-fotografi tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Imma l-iskop ta’ dan l-artiku huwa ieħor.

Waqt li l-istorja fuq ġewwa ta’ dan l-artiklu kienet mitkuba tajjeb, it-titlu tal-artiklu kien wieħed propagandistiku. Għandha għalfejn media tal-Knisja sponsorjata direttament mill-bank tagħmel titlu ta’ dan it-tip? Li wieħed jaqra titlu bħal dan fuq xi portal ieħor, bħal Lovin Malta jew fuq is-site tiegħi, nifhimha, imma li wieħed jaqraha fuq il-media li hija tal-Knisja, ma nifhimhiex. Il-media tal-Knisja għandha jkollha l-ethos partikolari tagħha. Bil-mod kif qed taħdem din il-media, qedha biss tiffomenta l-anti-klerikaliżmu f’Malta għalxejn.
Fuq kollox, l-Arċidjoċesi għandha l-fotografu tagħha u sew tagħmel. Quddiem titlu bħal dan, wieħed jistaqsi min jaf qatt jgħidulniex ta’ Newsbook kemm tonfoq l-Arċidjoċesi għall-fotografu tagħha li jakkumpanja regolarment lill-arċisqof? Infakkar li r-ritratti li jieħu jinsabu għall-bejgħ mis-sit tal-istess arċidjoċesi. Hemm xi ħaġa ħażin f’dan? L-anqas xejn. Anzi meta jien kelli bżonn servizz ta’ ritratti mill-Knisja nqdejt u ta’ dan nirringrazzja lil min kien risponsabbli għax-xogħol professjonali li sar. U nifhem li dawn jitħallsu. Fuq kollox, San Pawl stess jikteb li “il-ħaddiem ħaqqu ħlasu”. (1 Timotju, 5:18)
Mela biex inkun ċar. Ħa nerġa’ ngħidha li ma fiha xejn ħażin li l-Knisja għandha l-fotografu jew fotografi tagħha, imma bħala ċittadin nista’ nagħmel PQ kif ġara f’dan il-każ, imma bħala ġurnal Kattoliku, wieħed irid joqgħod attent li ma jdawwarx storja marbuta ma’ mistoqsija parlamentari f’artiklu propagandisku irħis. Waqt li l-kontenut tal-artiklu kien jirrifletti l-istorja marbuta mal-mistoqsija parlamentari, it-titlu kien wieħed pjuttost politiku. Ġurnal tal-Knisja ma jistax jibni titlu politiku minn fuq storja li hija fesserija bħal ma kienet din għaliex joħroġ kemm hu politikament motivat. Il-ġurnal tal-Knisja mhux ġurnal politiku.
Jiena nindanna għax il-ħafna tajjeb li qed toffri l-Knisja qed jispiċċa jintilef minħabba media li aktar qedha tagħmel ħsara milli ġid lill-istess Knisja minħabba l-attakki puerili tagħha.