Where your opinion counts

Il-problemi li qed jiffaċċja l-poplu Malti

Minn osservatur politiku

Għaddejjin minn żmien fejn ħafna nies qed igergru fuq diversi affarijiet li qed jolqtu ħażin lill-pajjiż. Meta tħares lejn il-medja soċjali u taqra diversi posts tinduna kemm hawn nies li huma mdejqin fuq affarijiet li għaddejjin bħalissa fil-pajjiż u li jidhru li ma tantx hemm tama li ser infiqu minnhom malajr.

Diversi nies li jiktbu fuq din il-medja jesprimu r-rabja tagħhom għal dawn l-affarijiet li qed jolqtuhom ħażin. Jikkomplenjaw għaliex qisu għall-Gvern sar jgħaddi kollox u donnu ma sar idejjqu xejn. Ma jistgħux jaċċettaw li t-tgergir tagħhom jaqa’ fuq widnejn torox. Mhux faċli tifhem kif il-politiċi ma jagħtux każ għal dak li jipprotestaw dwarhom in-nies.

Il-korruzzjoni kienet dejjem suġġett li ħafna kienu jitkellmu fuqu. Imma llum donnu din l-imbierka korruzzjoni qiegħda fuq fomm kulħadd. Bilkemm tilħaq tiftaħ biex taqra l-aħbarijiet tal-ġurnata li ma tindunax b’xi att ieħor ta’ korruzzjoni li jkun tfaċċa matul l-aħħar ħin. In-numru ta’ dawn l-iskandli tal-korruzzjoni huwa tant kbar li meta taqra dwar korruzzjoni waħda, mill-ewwel tinsa l-oħra. Donnu bħalissa għaddejjin minn żmien li mhux qed jittieħdu azzjonijiet għax jingħad li ‘u hija mhux dalwaqt jinsew’.
Din il-korruzzjoni naqset b’mod allarmanti l-fiduċja li n-nies għandhom fil-Partit fil-Gvern. Din żgur hija waħda mir-raġunijiet li minħabba fiha l-Partit Laburista qed inaqqas l-appoġġ.

Kif appena tiftaħ għajnejk filgħodu u tħares barra mit-tieqa ma tiskantax li jkun tfaċċa xi crane ieħor li jfisser ħafna iktar storbju u ħafna iktar qerda tal-ambjent. Għandu raġun il-poplu jikkummenta fuq il-qirda ta’ żoni ħodor biex jitilgħu ħafna iktar blokok ta’ appartamenti. Nies oħra jgergru fuq il-qerda tal-ambjent meta jimxu fit-toroq u jkollok tispiċċa tiela u niżel mal-bankini tagħna. Bil-fors li l-anzjani u nies li jimxu bil-buggies igergru għal dan l-inkonvenjent qawwi.

Issa qed jiżdiedu l-kummenti dwar l-iffullar li qed ikun hemm fuq tal-linja. Dawn saru b’xejn u tajjeb. Imma issa wasal iż-żmien li jiġi studjat jekk hemmx bżonn ta’ iktar trakkijiet tal-linja fit-toroq perezz li qed jgħaddu kontinwament mimlijin. Veru li jiżdied l-inkonvenjent fuq it-toroq imma ma tistax tagħti servizz li ma jkunx qed jaqdi dmiru sewwa u barra t-tul taż-żmien biex tasal minn post għall-ieħor tispiċċa tqatta ħafna ħin fuq l-istage biex tirkeb.

Iżda waħda mill-ikbar tgergiriet li għaddejja bħalissa hija n-nuqqas ta’ servizz li qed nirċievu fl-isptar Mater Dei. Ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ jtawwal biex isib soluzzjoni mal-unjin tal-infermiera u l-qwiebel. Dawn hemm bżonn li jkunu kuntenti fuq ix-xogħol tagħhom ħalli jingħata servizz tal-għola kwalita. Ma jistax ikun li ħafna nies jibqgħu jiġu nfurmati li l-operazzjoni tagħhom mhux ser issir u tiġi posposta għal żmien aktar ‘l quddiem.

Ħafna nies qed juri d-dwejjaq tagħhom fuq il-medja soċjali. Dan it-tgergir dejjem qed jiżdied u donnu li l-Gvern qed jieħu ż-żmien biex jipprova jsib is-soluzzjonijiet. Donnu għalxejn qed isiru l-protesti. Donnu għalxejn qed issir din il-kitba kollha. Donnu kollox għalxejn għax il-Gvern qed ikompli jistiena rasu u jagħmel dak li għandu ppjanat u mhux qed jagħti każ l-għajta tal-poplu li hu mdejjaq fuq diversi affarijiet.

One thought on “Il-problemi li qed jiffaċċja l-poplu Malti

  1. “Il poplu kollu imdejaq b’certu affarijiet” Int u minu tal-pezza tijiek qed tigbdu lil-poplu kollu f’keffa wahda. Aparti id-differenza bejn ‘il-poplu kollu’ u dawk imdejqin bhalek, Il-magoranzza asoluta zgur mux imdejqa bhal ma qiejed tghijd int ghax kiku il gvern mux qiejed emm. Rigward il-media, min fejn ha tibda tghazel, illum kolla pezza wahda fejn xi ghambaqru bhalek jista ittajar ftit bzieq fil-vojt.

Leave a Reply to saviour stivala Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *