Telfa oħra għall-Oppożizzjoni fil-PAC wara dak li ġara lbieraħ meta Yorgen Fenech ma ntalabx biex jixhed.

Ilbieraħ kellna l-laqgħa tant mistennija marbuta max-xhieda li kien mistenni jagħti Yorgen Fenech dwar l-Electrogas. Imma dan kollu spiċċa a non event. Għal darba oħra ħareġ li l-Oppożizzjoni kienet mingħajr strateġija. Mhux ovvja li Yorgen Fenech mhux ser jitkellem fuq l-Electrogas meta t-Tumas Group għadu jmexxiha. Anki li kieku din kienet xhieda f’qorti, Yorgen Fenech kellu d-dritt għas-silenzju, aħseb u ara meta hu għandu l-anqas beda jgħaddi proċeduri kriminali dwar l-electrogas u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia!

Imma kien hemm numru ta’ affarijiet li lili laqgħtuni waħda sew. L-ewwel kienet dik marbuta mas-sigurta’ kbira li ġiet mibnija madwar il-Parlament. Hu ċar li din l-apparenza ta’ Yorgen Fenech quddiem il-PAC ttieħdet bħala okkazzjoni minn dawk li għandhom kull interess li jostru l-veru masterminds wara dan id-delitt, biex ikomplu jkabbru il-perċezzjoni fost il-poplu li Yorgen Fenech hu verament il-kriminal li wieħed għandu jibża’ minnu. Bla dubju li meta kien fil-Parlament ma kien hemm l-ebda theddida la għalih u l-anqas għall-Parlament. It-theddida vera għal min għamel dan id-delitt tibda jekk il-ġurati jsibu lil Yorgen Fenech mhux ħati!

Imma mbagħad hemm żewġ stejjer oħra. L-ewwel storja hija dik li l-Partit Nazzjonalista ħaseb li kien ser idaħħal lill-Partit Laburista fi trabokk meta talab li għandu jidher Yorgen Fenech quddiem il-PAC. Il-Lejber lagħab il-logħba tajjeb ħafna. Kontra dak li ħaseb il-PN, id-deputati Laburisti ma oġġezzjonax għall-preżenza ta’ Yorgen Fenech quddiem il-PAC. Issa dan hu kumitat immexxi mill-Oppożizzjoni. Mela l-PN, għax imexxi dan il-kumitat, spiċċa biex kellu jgħajjatlu ħalli jidher quddiemu wara li l-Lejber ma għamel l-ebda oġġezzjoni għal din it-talba.

B’hekk kellhom jgħajtulu anki jekk ħareġ ċar li fil-verita’ ma xtaqux li jinterrogawh tant li malajr għalqu kollox qabel ma beda biex ma jixhidx! Hemm malajr iż-żewġ naħat ftehmu bejnithom li Yorgen Fenech ma għandux jixhed! Imn’alla kien dak il-famuż ruling tal-Ispeaker li salva lill-PN minn din is-sitwazzjoni mbarazzanti. Infakkar li l-ispeaker kien ta ruling fir-rigward tax-xhieda li tista’ tingħata quddiem il-PAC. Skont dan ir-ruling, kull min ikun fi proċess ġudizzarju, jiġifieri jkollu xi każ il-qorti marbut ma’ dak li l-membri tal-PAC ikunu ser jistaqsuh dwaru, allura hemm għandu ġustifikazzjoni legali biex jitlob lill-PAC biex ma jagħmilux mistoqsijiet. U dak li ġara lbieraħ. Infakkar li anki wieħed mill-avukati ta’ Yorgen Fenech għamel referenza għall-manwal ta’ Erskine May dwar kif għandu jġib ruħu l-parlament u l-kumitati tiegħu quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn u qal li Yorgen Fenech ma għandux ikun mistoqsi mill-PAC. Infatti, ħareġ ċar li l-kumitat malajr qabel li ma kellux jistaqsi mistoqsijiet lil Yorgen Fenech. Mela għalfejn il-PN ħa l-iżbriga biex jgħajjatlu jixhed? Mhux ovvja li kienet strateġija li backfired fuq l-istess Partit Nazzjonalista.

Anzi b’dak li ġara lbieraħ, il-PN kompla dgħajjef dan il-kumitat li huwa stess imexxi. Issa l-PN irid jara kif ser jerġa’ jistabbilixi l-iskop tal-eżistenza u l-ħidma ta’ dan il-kumitat. Kull ma għamel il-PN kien li għen lil dawk l-individwi marbuta ma’ dan il-gvern li huma wara dan id-delitt biex użaw din l-istorja ħalli jpinġu lil Yorgen Fenech qiesu xi terrorista li wieħed għandu jibża’ minnu waqt li jwarrbu l-attenzjoni minn fuqhom bħala l-veri mastermind ta’ dan id-delitt. Issa wara din l-istorja, il-PAC kollu spiċċa aktar redundant u out off order milli qatt kien. Fi kliem ieħor, id-deputati Nazzjonalisti spiċċaw jilgħabu l-logħba li riedu d-deputati tal-gvern.


Wara dak li ġara lbieraħ, il-membri tal-Oppiżizzjoni jridu jkunu aktar innovattivi u jaraw kif ser jużaw il- proċeduri eżistenti u jagħtu ħajja ġdida lill-PAC. Jekk ser jibqgħu b’din l-istrateġija, gaffe politiku, wieħed wara l-ieħor, ser jibqgħu ma jagħmlu xejn. Issa żgur li l-PAC ma jistax jintuża qiesu estensjoni ta’ awla tal-qorti iżda lanqas ma għandu l-PAC jispiċċa bla ħila biex iwettaq skrutinju fuq min ikun abbuża mit-taxxi tal-poplu. Fuq kollox, li kieku kienu intelliġenti, kien hemm mistoqsijiet li setgħu jagħmlu lil Yorgen Fenech mingħajr ma jikkompromettulu l-proċess ġudizzjarju u kienu jsalvaw wiċċhom. Imma l-anqas f’dan il-livell bażiku ma huma kapaċi jaslu r-rappreżentanti tal-PN fuq dan il-kumitat!

Jekk il-PAC mhux ser jkun jista’ jwettaq dan l-iskrutinju, allura l-Parlament ser jkun tilef ħafna mill-funzjonijiet tiegħu u dan grazzi għal dawn l-istrateġiji ħżiena tal-Partit Nazzjonalista.

One thought on “Telfa oħra għall-Oppożizzjoni fil-PAC wara dak li ġara lbieraħ meta Yorgen Fenech ma ntalabx biex jixhed.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *