Tant kemm kienet mhux importanti l-laqgħa tal-bieraħ tal-PAC li r-Repubblichini ppreferew li jmorru ġita’ sa Sqallija
Ilbieraħ kien hemm din il-laqgħa tant mistennija tal-PAC li fiha kellu jidher Yorgen Fenech. Ġa ktibt artiklu fejn għidt li din kienet kollha messa in scena mill-Partit Nazzjonalista li spiċċat marret ħażin. Ġa għamilt l-argument u għidt li l-PN kien ħaseb li d-deputati tal-Lejber fuq dan il-kumitat kienu ser joġġezzjonaw li Yorgen Fenech jixhed. Minflok qalu le, qablu mat-tliet deputati Nazzjonalisti li Yorgen Fenech għadu jidher quddiem il-PAC. Wara li din l-istrateġija tal-PN backfired, id-deputati Nazzjonalisti fuq dan il-kumitat riedu jsibu strateġija kif joħorġu minn din l-istorja kollha. Kif spjegajt, sabu fir-ruling tal-iSpeaker ħajt ta’ kenn. Meta l-avukati ta’ Yorgen Fenech qalu lill-membri tal-kumitat tal-PAC li aħjar Yorgen Fenech ma jixhidx għaliex dan għandu proċeduri quddiemu, dawn il-membri kollha tal-PAC qablu li ma għandux jixhed!
Ara din id-darba r-Repubblichini ma qalu xejn. Tant kemm kienu jafu li ma kien ser jiġri xejn li marru għall-ġita’ ġewwa Sqallija, akkumpanjati minn Monsinjur Bajjada u l-kanċilliera tal-arċisqof Scicluna, Alessandra Dee Crespo. Infakkar li Bajjada kien imur l-irtieri f’Għawdex ma’ Dee Crespo. Infakkar li kemm Bajjada u Dee Crespo qegħdin fi tribunal li quddiemu hemm il-kawża tal-annullament taż-żwieġ ta’ Jason Azzopardi. U balleċċ, Jason Azzopardi kien hemm magħhom! Infakkar li affarijiet personali marbuta mal-ħajja privata ta’ Alfred Sant li kienu f’dan it-tribunal kienu spiċċaw għand Daphne Caruana Galizia u din kienet użathom biex iż-żebblagħ lill-istess Alfred Sant.
Issa dawn kollha qegħdin Sqallija jiġġieldu lill-mafja! Ovvjament magħhom hemm Jason Azzopardi. Infakkar li Azzopardi qal lill-qorti li min jippubblika affarijiet li fuqhom l-istess qorti tagħmel divjit hu verosimilment f’alleanza mal-mafja jew organized crime. Issa illum nafu li huwa l-persuna li qed tikser id-divjiti tal-qorti u tgħaddi affarijiet li fuqhom hemm divjit biex ikunu ppubblikati ħalli jitkissru ċertu nies u l-familji tagħhom. Issa nħalli f’idejn il-qarrejja jikkonkludu min huma l-veru mafjużi f’dan il-pajjiż u kemm ċertu esponenti tal-kleru, biċċa waħda ma’ Scicluna, qed jagħmlu aktar ħsara milli ġid lill-knisja kattolika f’Malta.
Imma dak li hemm marbut ma’ din l-istorja u għala qed nġibha huwa l-fatt li r-Repubblichini kienu jafu x’ser jiġri, jiġifieri li lbieraħ ma kienux ser iseħħu affarijiet spettakulari quddiem il-PAC. Kieku kienu ser iseħħu affarijiet spettakulari, kieku dawn kienu jibqgħu ġewwa pajjiżna u mhux imorru għall–btala fi Sqallija! Tant kemm kienu jafu li din il-laqgħa quddiem il-PAC kienet messa in scena u kienet ser tispiċċa ħażin għall-PN li ppreferew imorru ġita’ ġewwa Sqallija u ma ddejqux itellgħu ritratti ta’ din l-attivita’ tagħhom f’dan il-pajjiż ħalli jarahom kulħadd.
