Ix-xufiera barranin jinqdew mill-ewwel u l-Maltin iridu jistennew ix-xhur.

Minn osservatur politiku.

Kienet mistoqsija parlamentari ta’ Albert Buttigieg li tat informazzjoni dwar in-numru ta’ liċenżji li qed joħorġu bl-LY. Din l-informazzjoni tikxef il-fatt li dawn il-liċenzji żdiedu bil-goff f’dawn l-aħħar snin. Fil-fatt mill-2013 tal-2022 inħarġu mat-3,591 minn dawn in-number plates. Issa sirna nafu li minn Jannar sa April ta’ din is-sena diġa ħarġu 534 waħda, li tfisser li jekk jibqgħu ħerġin b’dan ir-ritmu ser jerġa’ jinqabeż in-numru tas-sena l-oħra.

Skond Adrian Delia, il-kelliem f’isem il-Partit Nazzjonalista għat-trasport, jixhed li hemm abbuż kbir fi ħdan Transport Malta. L-istess kelliem qal li Transport Malta taf dwar dawn l-abbużi dwar dawn in-number plates partikulari, tant li diġa’ pruvat toħroġ xi dokumentazzjoni dwar din il-problema.

Dawn in-number plates qed joħolqu sitwazzjoni fejn l-applikanti Maltin li qed jitolbu biex tinħarġilhom waħda minn dawn il-plates qed ikunu diskriminati. Dan għaliex meta jkun hemm applikazzjoni ta’ Malti jew Maltija din tieħu minn tnejn sa tlett xhur biex tkun proċessata filwaqt li jekk ikun hemm applikazzjoni minn xufier barrani dawn kulma jistennew huma minn tlieta sa erbat ijiem.

Adrian Delia kompla jinnota li minħabba f’hekk il-kumpaniji tax-taxis qed jagħżlu li jimpjegaw ħaddiema barranin. Hemm ukoll il-fatt li l-ħaddiema barranin jitħallsu fuq bażi ta’ commission filwaqt li l-Maltin jitħallsu b’paga fissa. Barra minn hekk, il-kelliem innota li skond il-liġi, għal kull number plate għandu ikun hemm l-indirizz ta’ garaxx biex dawn l-istess karozzi jiġu pparkjati matul il-lejl jew meta ma jkunux qed jaħdmu biha.

Għalhekk il-mistoqsija li għamel Delia tagħmel sens. Huwa staqsa kif inhu possibbli li xi ħadd japplika għal waħda minn dawn in-number plates, jirċivihom u ma ikollux garaxx fejn ipoġġi l-karozza tiegħu meta ma jkunx xogħol?

Barra minn dan kollu, dan il-ħruġ essaġerat ta’ number plates LY, speċjalment lil xufiera barranin, qed ikollhom effett fuq in-numru ta’ inċidenti li qed nesperjenzaw f’pajjiżna. Delia jgħid li ma jistax ikun li persuna barranija, tasal Malta, tapplika għal Y plate, toħodhom u tibda ssuq fi żmien ġimgħa. Huwa ovvju li dan ix-xufier ikollu l-problemi fl-għarfien tas-sewqan Malti, allura huwa ċar li jkun hemm il-possibilita’ ta’ żieda fin-numru ta’ inċidenti. Barra minn hekk nafu kif dawn il-barranin jaħdmu siegħat twal u allura jkun hemm possibilita’ ta’ nuqqas ta’ konċentrament fuq l-isteering. Qed ikun hemm il-probabilita’ li dawn il-liċenzji qed joħorġu lill-barranin mingħajr ma jkollhom garaxx fejn jipparkjaw il-karozza tagħhom u dan jista’ jkollu effett ukoll fuq is-sewqan.

Għalhekk huwa mportanti li Transport Malta taqbad il-barri minn qruni u tivverifika n-nuqqasijiet li jeżistu f’dan ir-rigward. Ma jistax ikun li l-istess awtorita’ tat-trasport tippermetti ksur tal-liġijiet għax mhux qed ikun verifikat jekk ix-xuffiera jkunux verament jobdu kull dettall tal-liġijiet Maltin.

https://www.illum.com.mt/ahbarijiet/socjali/68014/rekords_odda_finnumru_ta_ly_plates_marua_flaar_deenju#.ZGz8iHZByM8

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *