Where your opinion counts

Hu ċar li Robert Abela mhux kuntent kif qed iġib ruħu Joseph Muscat.

Minn osservatur politiku

Huwa fatt li ma jiċħdu ħadd li l-Prim Ministru mhux kuntent bis-sitwazzjoni li qiegħed fiha l-Gvern u l-Partit Laburista bħalissa. Żgur li Robert Abela jinsab frustrat li ma jistax ikun ċar fi kliemu minħabba s-sitwazzjoni delikata li jinsab fiha. Kulħadd jimmaġina li kieku jista’ l-Prim Ministru kien ikun ċar u skjett fi kliemu biex jipprova joħroġ lill-partit tiegħu minn din is-sitwazzjoni kerha ħafna.

Fil-fatt l-uniku kumment li ġie rappurtat li għadda l-Prim Ministru dwar il-pożizzjoni tal-Prim Ministru ta’ qablu kienet li hu ma kienx ser jgħaddi kummenti u ma hu ser jagħmel xejn biex jinfluwenza l-investigazzjoni li għaddejja. Imma huwa ovvju għal kulħadd li hemm dwejjaq kbar fit-tmexxija tal-Partit Laburista li kull ftit titfaċċa sitwazzjoni mbarazzanti b’riżultat tat-tmexxija ta’ Joseph Muscat. Mingħajr dubju l-Prim Ministru mhux kuntent bis-sitwazzjoni imma jrid joqgħod attent għax il-kelma tiegħu terfa’ piż qawwi u jkollha effett enormi fuq it-tmexxija tal-pajjiż.

Min jaf kif qed iħossuhom in-numru ta’ deputati ġodda f’din is-sitwazzjoni. Bil-fors li jgħidu li dak li ħareġ bħalissa mhux xogħolhom u ma sarx fi żmienhom imma qed ikollhom jiffaċċjaw il-pressjoni tal-medja u ta’ attakki oħra li ġejjien mill-partit oppost u mis-soċjeta ċivili. Allavolja jkollhom joqgħodu attenti għax jafu kemm għadu popolari Joseph Muscat mal-partitarji Laburisti. Dawn ma huma ser jinsew qatt ir-riżultati pożittivi miksuba mill-istess Muscat f’diversi elezzjonijiet Maltin.

Biss issa huma ħafna dawk li qed iqarsu wiċċhom għall-aħħar mossa ta’ Muscat meta talab lill-maġistrat biex tirrikuża ruħha. Ħafna qed jikkonsidraw din il-mossa bħala ammissjoni tal-ħtija tiegħu u jieħduha bħala logħob bis-sentimenti tagħhom. Tant hu hekk li l-maġistrat ma laqgħetx it-talba ta’ Muscat u kkonfermat li mhux ser twarrab mill-pożizzjoni tagħha.

L-inkwiet li għandu Robert Abela, bħala Prim Ministru, huwa kif ser jikkonvinċi lill-partitarji tiegħu, li mhumiex ftit, li hemm bżonn li l-Partit u l-Gvern jimxu ‘l quddiem u jitwarrbu minn dak kollu li għamel Joseph Muscat. Forsi, minħabba il-mossi ħżiena li qed jagħmel Muscat u dak kollu li qed jinkixef fuqu, Robert Abela qed jirnexxielu jbiegħed lill-partitarji tal-Partit Laburista mill-ikona Muscat. Mhux faċli imma minħabba ċ-ċirkostanzi u l-aħbarijiet li ħerġin jista’ jkun li qed jirnexxielu.

Il-partitarji u s-sostenituri tal-Partit Laburista huma xi ftit diżullużi mhux għax qed jitilfu xi ftit mill-vantaġġ politiku li għandhom, imma għax qed jaraw lill-Partit Nazzjonalista jirkeb fuq dawn il-karrijiet u jikkritika lill-Partit tagħhom mingħajr ebda risposta mill-akkolti tagħhom stess. It-tmexxija tal-Partit Laburista taf b’dan kollu u qed tagħmel il-ħila tagħha kollha biex tberred dan is-sentiment imma mhux bil-fors qed jirnexxielha.

Kull Laburist jaf li s-saga tal-isptarijiet kissret u għawret fil-Partit Laburista. Kulħadd jammetti li din is-serqa grandjuża kellha effetti koroh fuq l-amministrazzjoni tal-Partit u ma jistgħux jitwarrbu minn din l-istraġi li waqgħet fuq il-Partit Laburista u fuq il-pajjiż. Huwa għalhekk li t-tmexxija ta’ dan il-Partit kontinwament qed titlob għall-kalma għax jafu li jekk jitressaq Joseph Muscat ser ikun hemm effetti katastrofiċi fuq il-Partit Laburista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *