Stefan Zrinzo Azzopardi qed jgħid ma’ kulħadd li ġie mwarrab minn Robert Abela: il-veru ministru tal-ippjanar hu Oliver Magro
Dan is-sit jista’ jirrapporta li Stefan Zrinzo Azzopardi jinsab urtat ħafna għall-mod ta’ kif qed jiġi ttrattat kemm fil-gvern u anki fil-Partit Laburista. Huwa l-Ministru tal-Ippjanar imma fil–verita’, dan hu biss isem li għandu għaliex fl-ippjanar ma għandu l-ebda say. Anzi dan is-sit jista’ jirrapporta li qed ikun sidelined mill-istess Prim Ministru Robert Abela. L-istess Zrinzo Azzopardi qed ikollu jgħid lin-nies, meta jkellmuh fuq affarijiet marbuta ma’ permessi tal-ippjanar, li ma jista’ jagħmel xejn. Imbagħad fiċ-ċrieki interni qed igerger li qed ikun imwarrab u mhux qed jiġi nvolut fid-deċiżjonijiet li qed jitteħdu fuq livell ta’ gvern dwar l-ippjanar.
Infatti, dan is-sit hu infurmat li Stefan Zrinzo Azzopardi ma qiegħed ikun involut f’xejn f’dawk li huma policies marbuta mal-ippjanar. Ir-rowl tiegħu sar wieħed kożmetiku. Kollox qed ikun deċiż miċ-CEO il-ġdid tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, Oliver Magro. Magro kien il-right-hand man ta’ Robert Abela qabel ma appuntah biex imexxi din l-istess Awtorita’ tal-Ippjanar.
Tant kemm spiċċa mwarrab Stefan Zrinzo Azzopardi li riċentament kien hemm laqgħa ma’ diversi sindki Laburisti u Stefan Zrinzo Azzopardi, bħala Ministru tal Ippjanar, l-anqas biss ġie stieden għaliha. Infatti ma kienx preżenti. Minflok, kien hemm biss il-Prim Ministru u Oliver Magro. Nies qrib il-Partit Laburista qalu lil dan is-sit, li din hija xhieda ċara ta’ kemm qed ikun imwarrab Stefan Zrinzo Azzopardi.
Wieħed irid jiftakar li l–Partit Laburista għaddej minn ħafna burraxki mal-Kunsilli Lokali minħabba permessi tal-bini. Hemm issues ma’ ħafna kunsilliera u sindki Laburisti minħabba li huma urtati għall-mod ta’ kif qed joħroġu ċerti permessi kemm fiż-żoni ta’ żvilupp u anki fiż-żoni barra mil-limiti ta’ żvilupp. Kunsilliera u sindki fil-Mellieħa, fil-Gżira, f’Santa Luċija, f’Ħal Qormi, fil-Qala u fiż-Żurrieq qed juri b’mod ċar it-tensjonijiet li llum jeżistu mal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Quddiem din is-sitwazzjoni kollha, Stefan Zrinzo Azzopardi huwa ministru mpotenti.
Minflok, kollox ikun deċiż minn Robert Abela bla ma jidher imkien. Infatti, Oliver Magro litteralment jirrapporta direttament lill-Prim Ministru. Fil-fatt, dan is-sit jinsab infurmat li jkun hemm mill-inqas żewġt laqgħat diretti fil-ġimgħa bejn Oliver Magro u Robert Abela. Ma għandix għalfejn inżid li għal dawn il-laqgħat, Stefan Zrinzo Azzopardi, ma jkunx mistieden. Issa jekk grazzi għal dawn il-laqgħat ser jitjiebu l-affarijiet, j’alla jkun hemm aktar. Imma naħseb li l-perċeżjoni tan-nies hija waħda differenti.
Imma l-poplu għadu jemmen li dawn l-awtoritajiet huma indipendenti. Indipendenti biss fl-isem, anki jekk l-indipendenza assoluta twassal għall-abbuż u fil-każ ta’ din l-awtorita’, hija waħda minn dawk l-istrutturi li tista’ trebbaħ jew ittellef ħafna voti lill-istess gvern.
Stejjer bħal dawn juri li l-istrutturi l-qodma li kellna u neħħejniehom biex nidhru progressivi ma kienu ħżiena xejn. Meta tkissru d-dipartimenti tal-Gvern, l-abbużi mhux naqsu, imma żdiedu.

Oliver Magro u Stefan Zrinzo Azzopardi.