Il-PN reġa’ biddel il-pożizzjoni tiegħu fuq il-ħaxixa: spiċċa biex sar favuriha: din waħda mill-ħafna U-turns tal-PN.

Minn Osservatur politiku

Meta nħarsu lejn dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista nħossuna daqsxejn diżillużi għaliex ma tantx qed joffri alternattivi għal dak li qed jagħmel il-Gvern. Hemm diversi stanzi fejn rajna nuqqas ta’ proposti min-naħa tal-Partit fl-Oppożizzjoni. U hemm ħafna sitwazzjonijiet li l-istess Partit Nazzjonalista bidel il-pożizzjoni tiegħu għax ikun jaqbillu jew minħabba l-voti. Issa għamel hekk fuq il-ħaxixa. Għaddew emendi baxx baxx fuq il-kultivazzjoni tagħha u l-PN baqa’ sieket dwarhom.

Wieħed bil-fors ikollu jistaqsi, kieku waqt il-pandemija kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern x’kien jiġri f’pajjiżna? Kien ser ikun lest li jagħti l-għajnuna lil dawk kollha li spiċċaw bla vot. Kien lest li jagħti sussidji lill-ħaddiema kollha, dawk li spiċċaw bla xogħol jew li tilfu x-xogħol part-time tagħhom? Niftakru tajjeb li kien hemm kritika mill-Oppożizzjoni fuq dawn l-għajnuniet li għalkemm wara qablu magħhom.

Wieħed irid jistaqsi ukoll, kieku l-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-Gvern x’kien jagħmel biex itaffi l-konsegwenzi li ħalliet fuqna l-gwerra tal-Ukrajna. Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ diversi kelliema tiegħu, kienu qalulna li dak li jogħla minn barra jrid jitħallas mill-poplu kollu Malti u Għawdxi. Dan kien il-mod li rraġuna l-Partit Nazzjonalista għall-għoli tal-elettriku, tal-gass u tal-fuels flimkien mal-prezz taċ-ċireali.

X’kien ikun l-effett fuq il-poplu Malti kieku l-Gvern ħa l-pariri tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-prezzijiet li għolew minħabba l-gwerra? Kien ikun lest Gvern Nazzjonalista li jerfa’ fuqu l-piżijiet tal-affarijiet li għolew jew kien jitfa’ kollox fuq il-poplu? Niftakru tajjeb lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li ma jaqbilx mas-sussidju li qed jagħti l-Gvern u li ser ikompli jagħti. Niftakruh jgħid li la l-prezzijiet għolew minn barra, il-Gvern ma għandux tort u allura jgħaddi kollox fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

Bil-fors li jkollna nammettu li l-Gvern daħal għall-piż u ħa fuqu ż-żidiet ta’ ħafna affarijiet essenzjali li għolew b’riżultat tal-gwerra. Il-Gvern refa’ l-akbar piż mhux għax ma hemmx effett l-istess fuq l-għoli tal-ħajja, imma almenu ġiet miżmuma ż-żieda fuq il-poplu f’affarijiet mill-iktar neċessarji u ta’ kuljum.

Il-Partit Nazzjonalista qalilna li l-ħaddiem u n-negozjant għandu jħallas taż-żidiet li qed naraw fl-enerġija, fil-gass, fil-fuels u fiċ-ċereali. Fil-fatt fl-aħħar xhur il-Kap tal-Oppożizzjoni mar oltre minn hekk għax qal li s-sussidji tal-Gvern iridu jieqfu u ma jibqgħux jgħaddi lill-ħaddiem Malti. Kif jista’ jkun li l-Partit fl-Oppożizzjoni joħroġ bi proposti bħal dawn li jdawwru lill-poplu kollu kontra tiegħu. Is-sussidji li qed jagħti l-Gvern ġew milquha tajjeb ħafna min-nies. Allura kif ma fehemx li din hija politika li tbiegħed lin-nies mill-istess Partit Nazzjonalista.

Kieku ma sarx hekk konna naraw spluzzjoni ħafna ikbar fl-għoli tal-ħajja. Tant hu hekk li l-unions qalu li kieku ma hemmx s-sussdiju l-COLA kienet tibqa’ tikber u tasal biex ikun mitlub jingħata 25 euro fil-ġimgħa bħala għajnuna. Din kienet tkun il-kundanna għal ħafna negozji żgħar li ma jaffordjawx iħallsu lill-impjegati tagħhom dawn l-ammonti.

Il-verita’ hi li bħal ma turi l-istorja tal-kannabis, il-PN spiċċa vittma tal-lobby groups li għandhom il-mainstream media warajhom, u jara kif jakkommodhom, minflok jimxi mal-qalb tal-poplu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *