X’ifisser is-survey tal-bieraħ għal Bernard Grech?

Is-survey tal-Ħadd wera biċ-ċar li l-PN hu destinat li jkollu riżultat ieħor diżastruż fl-elezzjoni li jmiss. Anzi t-tendenzi qed juru li dan ir-riżultat ser ikun agħar minn tal-elezzjoni li għaddiet. Fi kliem ieħor, hu ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa reżolut li jerġa’ jiffaċċja elezzjoni oħra, din id-darba għall-Parlament Ewropew, b’riżultat aktar ħażin minn dak talelezzjoni ġenerali. Donnu il-PN għadu ma fehemx fejna l-problema. Ma nixtieqx ninstema li qed nagħmel xi kampanja personali kontra Bernard Grech għaliex mhux il-każ, imma s-survey tal-Malta Today wera żewġ affarijiet prinċipali. Id-differenza bejn iż-żewġ partiti mhix kbira ħafna, anki jekk din reġgħet żdidet ftit. Imma d-differenza bejn il-mexxejja hija waħda kbira. Dan ifisser li l-problema għall-PN hija fit-tmexxija aktar milli fl-partit fih innifsu. Dan juri kemm kienet ħażina id-deċiżjoni li jinbidel il-mexxej u aktar minn hekk, kemm kienet aktar ħażina id-deċiżjoni li l-mexxej attwali, Bernard Grech, jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni li għaddiet. Dawn kienu deċiżjonijiet li survey wara l-ieħor qed juru li ma ħallewx il-frott. Minħabba dawn id-deċiżjonijiet, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jirkupra. Imma għall-magħmul ma hemmx kunsill.

Dan is-survey jikkonferma li l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi emmnet li Bernard Grech kellu jwarrab wara telfa fl-elezzjoni ġenerali li qatt ma konna rajna bħalha. Il-fatt li baqa’ jispjega għala, bħala mexxej, mhux javvanza u jibqa’ b’distakk qawwi ma’ Robert Abela anki jekk Abela ma għadux popolari fil-Partit Laburista bħalma kien meta leħaq. B’hekk, minħabba din id-deċiżjoni li ma jinbidilx ilkap, il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jnaqqas il-voti bil-kbir. Kull kredibilita’ li seta’ kellu l-Partit Nazzjonalista tneżżgħat u llum nistgħu ngħidu li tinsab f’livell verament baxx u dan qed jerġa’ jikkonfermah l-istess stħarriġ li sar ilbieraħ. Imn’Alla kienet ir-rebħa ta’ Adrian Delia fuq Steward biex tat ftit nifs lil Bernard Grech u fuq kollox lill-Partit Nazzjonalista, anki jekk il-PN ma kienx kapaċi jaħtaf din l-okkażżjoni kbir kif wera anki dan issurvey minħabba intriċċi interni flistess partit li jaf bihom kulħadd.

Żgur li wara s-survey talbieraħ, Bernard Grech irid jagħraf xi ħsieb politiku jrid jmexxi. Ma jista’ jibqa’ fuq naħa kontra l-abort u fuq ġewwa tal-partit biċċa waħda mal-esponenti tal-pro-choice. Dan juri li ma hemm l-ebda viżjoni. Il-poplu jkun qed jinnota kollox. Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista ma qed jipproponi l-ebda proposti tanġibbli lill-elettorat biex l-elettorat jista’ forsi jiggranfa magħhom. Minkejja dan, id-differenza bejn il-partiti mhix xi waħda kbira anki jekk reġgħet żdiedet ftit mill-aħħar survey lil hawn. Imma d-differenza bejn il-mexxejja hija kbira. Dan għaliex f’għajnejn l-elettorat, Grech mhux qed jidher li qed offri xejn ġdid li jista’ b’xi mod jgħid li hemm xi sinjal li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun gvern alternattiv.

Għalhekk qed ninsisti fuq l-argument li donnu l-Partit Nazzjonalista huwa rassenjat li jissogra tkaxkira oħra fl-elezzjoni li ġejja. Għalkemm is-sitwazzjoni qed turi affarijiet negattivi, xorta Bernard Grech ser jibqa’ jwebbes rasu u jmur għall-elezzjoni li ġejja b’din l-istess direzzjoni. Allura ser tkun din l-elezzjoni li ser tiddeċidi l-futur tiegħu. Dawk ta’ madwar Bernard Grech dawn jafuh sew. Ġa qed naraw dawk li kienu wara Lawrence Gonzi bejn l-2008 and 2013, illum qegħdin wara Roberta Metsola. Ma hemmx dubju, li dawn qed jirrankaw, biex fil-każ Bernard Grech jerġa’ ilaqqat tkaxkira oħra, u l-ambizzjonijiet ta’ Metsola fl-Ewropa ma jseħħux. kif jidhru l-indikazzjonijiet, Metsola tinġib lura biex tieħu t-tmun tal-Partit Nazzjonalista f’idejha. Louis Galea u Richard Cachia Caruana ġa qed iħejju t-triq permezz tan-nies tagħhom. Ma għandix dubju, li Bernard Grech ser jaħdem biex jibqa’ fit-tmun għaliex ġa ddikjara li l-ħajja politika tiegħu mhux ser tiġi fi tmiemha f’qasir żmien.

B’hekk dan is-survey wera lil Bernard Grech li l-elezzjoni li ġejja mhux ser tkun faċli għalih. Bernard Grech jaf sewwa li bih fit-tmexxija mhux qed jasal ebda riżultat. Rajna l-attendenza għall-protesti li saru u qed isiru mhux jiġbdu lin-nies. Fi kliem ieħor, il-PN mhux jilħaq l-aspettattivi tiegħu stess mal-poplu.

Imma mhux kollox mitluf. Nemmen li l-partitarji Nazzjonalisti għadhom jittamaw li Bernard Grech ibiddel l-atteġġjamenti tiegħu u joħroġ b’xi ħaġa ħafna iktar friska f’dawn it-tnax-il xahar li fadal għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Il-poplu kollu qed jistenna xi ħaġa ġdida mill-Partit Nazzjonalista ħalli forsi dawk li qed jiddubitaw mill-Partit Laburista jkollhom xi tip ta’ alternattiva fejn ikunu jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom. Jekk le, ilvot ta’ dawk li mhux ser jivvutaw, ser ikompli jikber.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *