Il-Qorti qed tiġbed widnejn l-Awtorita’ tal-Ippjanar.
Minn osservatur politiku.
Il-qorti qed tiddeċidi kawżi li jmorru kontra d-deċiżjonijiet li qed tieħu l-Awtorita’ tal-Ippjanar. F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna kemm-il kawża tbiddel il-mod kif irraġunat din l-Awtorita’. Ma tantx jirrifletti tajjeb fuq l-Awtorita’ li tiġi mixlija li mhux qed tasal għal raġunamenti li ma jagħmlux sens.
L-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tonqos li taddotta l-liġijiet tal-Ippjanar b’mod tajjeb u diversi nies qed imorru l-qorti fejn qed tkun mibdula d-deċiżjoni ħażina tal-istess Awtorita’. L-interpretazzjonijiet li qed tagħmel l-Awtorita’ qed iħallu ħafna interpretazzjonijiet ħżiena b’tali mod li l-qorti qed tiġbed widnejn l-istess Awtorita’ għan-nuqqasijiet li qed tagħmel meta tieħu dawn l-istess deċiżjonijiet.
In-nuqqas ta’ interpretazzjoni tajba tal-liġi relevanti min-naħa tal-Awtorita’ qed tirriżulta li qed ikollha tkun il-qorti li tagħmel ġustizzja ma’ diversi nies. Hemm diversi raġunijiet oħra għaliex qed jinqalbu d-deċiżjonijiet tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u tal-Environment and Planning Review Tribunal. Tant qed jagħmlu żbalji ta’ proċedura li min ikollu l-istamina u ma jaċċettax id-deċiżjoni tagħhom u jmur l-qorti, almenu jsib il-ġustizzja hemmhekk.
Hemm diversi eżempji x’wieħed jieħu. Forsi l-iktar eżempju li qajjem diskussjoni kienet il-pool tal-Ministru Ian Borg li għal darbtejn ġiet miċħuda il-permess mill-qorti. L-istess qorti tal-appell ddeċidiet li dik il-pool hija illegali. L-istess qorti ddikjarat li d-deċiżjoni tal-Awtorita’ ma kienitx ġustifikata. Il-qorti kkundannat anke lit-Tribunal li suppost tmur quddiemu biex tieħu xi tip ta’ sodisfazzjon. Il-qorti ddeċidiet li l-permess kien null u mingħajr effett.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kellna wkoll il-kwistjoni tal-pompa tal-petrol fil-Gzira fejn ħareġ permess mill-Awtorita’ biex tkun trasferita fil-ġnien tal-istess lokalita’. Il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-Awtorita’ li naqset li tagħti spjegazzjoni lill-pubbliku għalfejn iddeċidiet hekk. L-Imħallef qal li l-Awtorita’ naqqset li tieħu konsiderazzjoni tal-prinċipji tal-ġustizzja naturali u li tieħu deċiżjonijiet raġunati biex tasal biex tassigura li l-amministrazzjoni pubblika tkun tajba u trasparenti.
Eżempju ieħor li jista’ jittieħed jirreferi għal deċiżjoni f’dawn l-aħħar ġranet dwar permess li ħareġ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar għal-lukanda fil-Mellieħa. Sa meta ħarġet is-sentenza tal-qorti, din il-lukanda laħqet inbniet u tlestiet. Il-qorti ddeċidiet li ma kien hemm ebda raġuni għalfejn kellu joħroġ permess li tinbena lukanda fuq dak is-sit. Issa jirriżulta li l-lukanda m’għandiex il-permess biex tinbena. X’ser isir issa li l-lukanda hija lesta u dalwaqt tkun pożizzjoni li tilqa’ t-turisti?
B’dawn id-deċiżjonijiet tal-qorti qed naraw kemm l-Awtorita’ tal-Ippjanar ma tistax toqgħod fuqha. Imma trid tkun id-determinazzjoni u r-reżiljenza ta’ min lest li ma jaċċettax id-deċiżjoni tal-Awtorita’ li twassal lil dak l-individwu biex imur il-qorti u jieħu ġustizzja. Hemm bżonn li l-Awtorita’ tkun iktar professjonali u tinterpreta l-liġi kif suppost u ma tħallix dubji fuq il-mod li tiddeċidi.
Q
