Il-Prim Ministru u l-Viċi tiegħu ma jistgħux jitwemmnu aktar dwar l-kuntratt tal-isptarijiet.
Minn osservatur politiku
Is-sentenza ta’ Franco Depasquale dwar l-isptarijiet ħarbtet għal kollox il-Partit Laburista. Jekk wieħed irid ikun ġust miegħu nnifsu u mal-kumplament tal-poplu jrid jammetti li dik is-sentenza kixfet in-nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin il-kapurjuni tal-Partit Laburista. Issa spiċċajna wieħed iwaħħal fl-ieħor biex jippruvaw jiddefendu lilhom infushom.
Kienet dik is-sentenza li daħlet f’fomm kulħadd il-kelma frawdolenti. Kienet is-sentenza li kkundannat lill-Gvern ta’ Joseph Muscat u l-Gvern ta’ Robert Abela għal għemilhom jew għan-nuqqas ta’ għemilhom. Kienet is-sentenza li spjegat kif ħadmu kemm felħu biex daħqu bil-poplu Malti u Għawdxi. Kienet is-sentenza li kixfet il-ħsibijiet ħżiena u l-għemejjel korrotti ta’ ftit politiċi Maltin. Kienet is-sentenza li sammret l-aħħar imsiemer fit-tebut tal-kuntratti ma’ Vitals u Steward.
Illum tisma’ lill-Prim Ministru jew lill-Viċi Prim Ministru jitkellmu u tinduna kemm qed jippruvaw jaħslu idejhom minn dak kollu li sar. Kważi kważi tibda taħseb li dawn ma kienux parti mill-Gvern f’dawn l-aħħar snin u meta din is-saga bdiet l-istorja tagħha. Timmaġina li dawn it-tnejn kienu qed jgħixu fuq pjaneta oħra meta saru l-ħniżrijiet f’dawn il-kuntratti. Taħseb li kemm Robert Abela kif ukoll Chris Fearne ma kienux fil-politika f’dawn l-aħħar snin. Donnhom qed jippruvaw ibellgħuhielna li huma ma kienux fil-kabinett tal-Gvern meta saru dawn il-balbuljati.
Wasalna fi stat li kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Viċi tiegħu ma jistgħux jitwemmnu iżjed għal dak li qed jgħidu. Wasalna fi stat li ikollok toqgħod attent jekk temminx dak kollu li qed jippruvaw jgħidu biex jiskolpaw irwieħhom minn dawn il-ħniżrijiet kollha. Tant qed jippruvaw joħorġu minn dawn l-iskandli kollha li iktar ma jitkellmu aktar qed iħammġu s-sitwazzjoni. Kull darba li jiftħu ħalqhom ikompli jikkonfermaw li ma għandhomx triq minn fejn jistgħu jaħarbu għax il-kundanna qiegħda fuqhom ukoll u inutli jippruvaw jaħarbu għax kollu għal xejn.
Ir-rapporti tal-Awditur komplew żejnu din is-saga. Dawn ir-rapport komplew jikxfu l-ħniżrijiet li twettqu imma kellha tkun il-kawża ta’ Adrian Delia li reġġgħet lura l-isptarijiet f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi. Kienet is-sentenza li keċċiet minn pajjiżna dawn il-barranin li serqu kemm felħu minn flus il-poplu Malti u Għawdxi. U ta’ dan kollu l-poplu għandu jibqa’ rikonoxxenti lejn id-deputat li ħames snin ilu ssogra kollox biex iġġieled kontra dan is-serq. Kienet il-volonta’ tiegħu li wasslet biex irritornat l-isptarijiet lura fejn jixirqilhom u li waqqfet il-ħlasijiet ta’ miljuni għax kieku ma ntrebħietx kieku kollox kien jibqa’ għaddej bil-barrani jibqa’ jerda minn flus il-poplu.
Saqsi lil votanti lil min jemmnu minflok t’peclaq u tajjar il-bzieq fil vojt.
X’faqar ta’ ħsibijiet. Għadha wisq friska fil-memorja kollettiva l-fjask ta’ l-għotja tal-art biex taparsi ssir Smart City. Niftakru sew taħwid ieħor bħalma huwa l-każ tal-Fekruna, tal-Lowebrau, Skansa, eċċ. Stejjer li jirrepettu ruħhom irrespettivament min ikun fil-Gvern għaliex il-pressjoni li ssir minn ċertu nies hija kbira wisq. Konvint li l-fjask ta’ l-isptarjiet huwa wieħed oxxen peru mhux l-uniku wieħed u lanqas l-aħħar wieħed. Hemm inkjesti għaddejjin u tajjeb li wieħed jara l-eżitu tagħhom u min hu ħati jiffaċċja l-ġustizzja. Din li ngħidu li l-Partit kollu magħmul minn nies korrotti ma jreġix! Li jkun hemm element korrott iva. Konvint li kemm il-Prim Ministru u kemm il-Viċi Prim Ministru ser jagħmlu dak kollu possibli sabiex jiddefendu l-interessi tal-poplu u ‘l hinn mit-teatrini quddiem il-qorti. Il-poplu jrid azzjoni u mhux diskorsi duħħan!!!