Matul din il-ġimgħa d-dgħajfet l-awtorita’ tal-Ispeaker
Minn osservatur politiku
Dak li ġara din il-ġimgħa fil-parlament, dan l-istess parlament Malti biddel il-prassi ta’ kif jimxi u qed jissogra li jsir farsa sħiħa. Kif kelli ġa ċans nikteb, it-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru spiċċa jitkellem fuq suġġett differenti milli kien hemm għad d-diskussjoni. L-aġenda tal-Parlament għat-Tnejn filgħaxija kienet l-ambjent. Fil-fatt kienet il-Ministru Miriam Dalli li fetħet id-diskussjoni meta tkellmet fuq is-suġġett l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi. Kienet imbagħad il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista fuq is-suġġett, Janice Chetcuti, li rrispondiet għad-diskors tal-Ministru u għamlet il-kritika tagħha.
Imma l-istorja nqalbet meta wara Chetcuti qam jitkellem il-Prim Ministru. Dan ġie jaqa’ u jqum għal kollox x’kien is-suġġett tal-ġurnata u beda jitkellem fuq ir-rapport li kien għadu kif tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra mill-istess Speaker. Meta tisma’ diskors bħal dak tal-Prim Ministru tinduna mill-ewwel li l-istess Prim Ministru kellu dan ir-rapport tal-Awditur għandu minn qabel. Ma jistax ikollok Prim Ministru li jiddikjara li hu ħareġ ifuħ minn dan ir-rapport jekk ir-rapport jew is-sinteżi tiegħu ma jkunx qrah diġa’. Fuq kollox, kien mod kif hu jilqa’ għall-kritika. Għalhekk kienet ovvja li dan ir-rapport kien diġa’ fi ħdan il-Prim Ministru qabel tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tal-Parlament.
Kien għalhekk li l-whip tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista ressaq is-suġġeriment tiegħu biex jiddiskutu dan ir-rapport dak in-nhar stess għax kienet ovvja li l-Partit Laburista kien diġa’ konxju mill-kontenut tar-rapport. Kif għidna l-Prim Ministru qam jitkellem fuq suġġett differenti mill-aġenda, u allura tkellem fuq ir-rapport tal-Awditur.
Kienu diversi t-tentattivi min-naħa tal-Oppożizzjoni biex jiġbdu l-attenzjoni tal-iSpeaker u tal-Prim Ministru li kien out of point. L-iSpeaker qal kemm-il darba lill-Prim Ministru li d-diskussjoni tal-ġurnata kienet dwar l-ambjent u kien qed jitkellem fuq suġġett totalment differenti. Imma l-Prim Ministru ma tax każ u baqa’ għaddej bid-diskors tiegħu fuq ir-rapport. Din l-istorja dgħajfet lill-awtorita’ tal-iSpeaker.
X’ġara wara din il-farsa kollha? Ġara li din l-istess farsa kompliet fis-seduta tal-għada, jiġifieri f’dik tat-Tlieta. Fil-ġurnata tat-Tlieta l-aġenda tal-Parlament kienet dwar l-Awtorita’ tad-Djar. Roderick Galdes qam jitkellem fuq is-suġġett u Ivan Bartolo min-naħa tal-Oppożizzjoni wkoll kompla mas-suġġett tal-Awtorita’. Kompliet ukoll Romilda Żarb min-naħa tal-Gvern. Imma ġara li meta qam jitkellem Karol Aquilina, dan għamel referenza għal dak li kien iddeċieda l-iSpeaker fil-ġurnata ta’ qabel u tkellem fuq suġġett differenti u reġa kompla fuq ir-rapport tal-Awditur.
L-ispeaker tal-ġurnata ġibidlu l-attenzjoni li ma kienx qed iżomm mas-suġġett. Kull ma għamel Aquilina kien li qal li ħa nota imma kompla jitkellem fuq ir-rapport tal-Awditur. Dak li ġabet is-sitwazzjoni tat-Tnejn meta l-Prim Ministru jiddevja mis-suġġett tal-aġenda. Il-kelliema tal-Oppożizzjoni ħatfu l-okkazzjoni u sew għamlu biex ikomplu jiddiskutu r-rapport għax irraġunaw li ‘what’s good for the goose is good for the gander’.
U hekk, issa spiċċajna, li meta jkollok diskussjoni fuq suġġett fil-Parlament, kull kelliem jista’ jqum u jiddevja d-diskors tiegħu jew tagħha fuq suġġett totalment differenti. Kważi kważi ma hemmx għalfejn iżjed jittieħed il-ħin tal-aġġornament biex tressaq xi ħsieb partikulari, għax issa kull kelliem jista’ jqum u jitkellem fuq dak li jrid f’kull ħin tas-seduta. U hekk il-farsa hemm ċans li ser tkompli u din l-istorja dgħajfet żgur l-awtorita’ tas-sedja.
Għid ħafna affarijiet u m’għidx min kien qed jippresjiedi f’dawk il-ġranet! Tajjeb inkunu nafu!!!!