Konrad Mizzi huwa l-ħaruf tas-sagrifiċċju ta’ Robert Abela

Minn Edwin Vassallo

Bħal ma ġara ma’ Rosianne Cutajar, issa jmiss lil Konrad Mizzi biex ikun użat minn Robert Abela bħala l-ħaruf tas-sagrifiċċju. Għal x’uħud, l-għajta biex dan jieħel jew imur il-ħabs hija għajta ħelwa zokkor. Iżda din hija biss għajta ta’ sentiment politiku l-bogħod ħafna mill-verita’. Il-verita’ hija li għal Robert Abela, ir-rapport tal-NAO huwa sodisfaċenti għaliex hemm persuna li fuqu qed tintefa’ l-ħtija. Iżda l-verita’ teħtieġ tasal aktar il-bogħod minn Konrad Mizzi.

Il-verita’ u l-fatt li l-pulizija ma tridx tieħu azzjoni jfisser li l-gvern ta’ Robert Abela jrid jerfa’ r-responsabbilita’ li taħt il-mandat tiegħu ta’ Prim Ministru, il-pulizija spiċċat tieħu ħsieb l-interessi tal- gvern aktar milli tara li toħroġ il-verita’.

Għal Robert Abela issa sar komdu li jgħid li dan ir-rapport mhux jagħmel l-ebda indikazzjoni dwaru. Dan ma jfissirx li huwa mhux responsabbli. Fil-politika, ir-responsabilita’ tintiret. Abela jrid jifhem li jekk jinżel Konrad Mizzi jrid jinżel miegħu hu wkoll għaliex dak li għamel Konrad & Co. sar bl-approvazzjoni tal-kabinett. Hu mhux biss il-werriet fit-tajjeb u fil-ħażin tal-mexxej ta’ qablu, imma huwa kien ukoll parti mill-kabinett li ħa dawk id-deċiżjonijiet.

Ma jistax ikun li l-kabinett ma kienx informat. Il-problema hija fil-ħila tal-membri tal-kabinett ta’ dak iż-żmien kemm kellhom kuraġġ biex jistaqsu l-mistoqsijiet. F’kabinett ta’ ministri ma hemmx demokrazija. Hemmhekk, l-aħħar kelma tal-Prim Ministru li tagħlaq id-diskussjoni. Dan juri li fil-kabinett ta’ Joseph Muscat u f’kull kabinett ieħor, il-ministri ftit li xejn kienu kapaċi jħarsu ‘l fuq jew jagħmlu l-mistoqsijiet għaliex waqt li kien qed jieħu d-deċiżjoni l-Prim Ministru, kien ikun qiesu qiegħed jitkellem l-oraklu u ħadd ma jista’ jmeri.

Le ma naqbilx li r-responsabbilita’ jew l-ħtija hija ta’ Konrad Mizzi jew ta’ xi tnejn oħra, iżda r-responsabbilita’ hija waħda kollettiva, ta’ dawk kollha li kielu mill-istess platt. U Robert Abela kien qed jiekol minn dan il-platt.

Sur Prim Ministru ieqaf itfa’ l-ħtija fuq dak jew dik. Int il-Prim Ministru u int kont fil-kabinett. Mela r- responsabbilita’ taqa’ fuqek l-ewwel u qabel kollox għaliex int qiegħed hemm biex twieġeb għal żmienek u anki għaż-żmien ta’ qablek. Ieqaf itfa’ l-ħtija fuq dak jew dik, għaliex illum jew għada, il-ħtija ddur fuqek.

3 thoughts on “Konrad Mizzi huwa l-ħaruf tas-sagrifiċċju ta’ Robert Abela

  1. Cumpaq. Bit-tama ha tmut. GHax meta it-tama tkun mibnija fduq ix-xewqat individwalli Qat ma tista tkun genwina. Int miniex wahdek, bhalek emm dawk kollha li il-poplu votant warab u ma iriejdx jaff biehom.

  2. Kemm had responsibility il gvernijiet ta qabel 2013 u missed igorra l konsegwenzi tachometer?

  3. Abela was NOT a member of the Cabinet under P.M. Joseph Muscat.
    Abela was first elected to Parliament in2017. He was never a Minister; he was a backbencher, and therefore, had no say in what was decided by Cabinet.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *