L-ambjent tar-rikatti fis-soċjeta’ politika tagħna.
Minn Edwin Vassallo.
B’dak li kiteb il-Ħadd li għadda Saviour Balzan fuq Jason Azzopardi juri biċ-ċar li l-establishment politiku f’pajjiżna qiegħed jikkrolla u forsi kliem aħjar ikun “qiegħed jinten”. F’dawn l-aħħar għaxar snin għall-poplu Malti u Għawdxi kienu snin ta’ stejjer ta’ intriċċi. Il-kbar iduru għall-flus tal-gvern. Rikatti ta’ politiċi kontra politiċi, ta’ ġurnalisti kontra ċittadini komuni, ta’ sinjuri kbar kontra politiċi. Flus fl-idejn żdiedu, iżda dawn żdiedu f’idejn il-kbar filwaqt li l-middle class kellha terfa’ l-piż tan-nefqa tal-pajjiż u tħallas għall-kontijiet tat-tberbiq tal-gvern. Min jaħleb ħalqu mimli u min ibati l-għatx u l-ġuħ.
Kellna żieda ta’ barranin jaħdmu f’pajjiżna b’cheap labour biex il-paga minima tibqa’ tassew minima. It-traffiku sar tal-ġenn. Malta u Għawdex ċkienu u l-ambjent krieh. Bini u bini ma jaqta’ xejn. Stejjer ta’ korruzzjoni li xebbgħu lin-nies. Politiċi jaqilbuha lil xulxin. Il-media liberali kontinwament spalla ma’ spalla mal-gvern, tiekol minn idejn il-gvern u tgħid li hi libera! Il-PN biex jirbaħ akkost ta’ kollox jipprova jsir kopja tal-Labour. Il-ħajja, il-familja u l-liberta’ kontinwament taħt l-attakk. L-ambjent politiku sar aktar “jaqq” milli qatt kien.
Għalhekk għandu raġun Savour Balzan jikkummenta u jgħid “min jista’ jgħix taħt r-rikatt?” Issa r-rikatt qiegħed idur dawra durella bħal qarnita li spiċċat iddur u tiekol is-swaba’ tagħha stess. Min għamel ir-rikatti ilbieraħ, illum spiċċa vittma tar-rikatti. Kull min jaf xi ħaġa, issa spiċċa jispara rikatti fuq xulxin. Bħal ma hemm miktub “min jiġġilied bis-sejf, bis-sejf imut”. (Mattew 26:52).
Il-PL issa spiċċa maħkum mill-kbar u ħanin mal-kbir u b’saħħtu maż-żgħir. Maż-żgħir qiegħed ikun arroganti għaliex iż-żgħir ma fihx x’taħleb. Robert Abela ftit ftit qed jispiċċa waħdu u l-arroganza ta’ sħabu qed tnawwarlu ir-rebħa kbira li għamel fl-aħħar elezzjoni.
Il-PN spiċċa tant bil-ġuħ għall-poter akkost ta’ kollox li jidher jinsab mitluf u lest li jinkludi miegħu kull min jidhirlu li jista’ jservih ta’ salvauomo, inkluż min ideoloġikament irid il-qerda tiegħu. Minn hawn u ftit ieħor, naraw persuni fi ħdan il-PN li ser jkomplu jsammru lil dan il partit fil-medjokrita u l-inkredibilita’. Persuni li kienu midħla tal-PN meta kien fl-aktar waqt ta’ arroganza. Dawn diġa’ qed jikkapparraw il-probabilita’ ta’ tmexxija futura. Il-kingmakers fil-PN jibqgħu l-istess persuni jilgħabu ċ-chess.
Illum il-politika spiċċat tal-miljuni u l-biljuni u kull min jersaq filwaqt li jakkuża bil-korruzzjoni irid jara kemm ser ikun sehmu. In-nies hemm barra qegħdin jistennew l-onesta’ u l-umilta’, iżda l-qtugħ il-qalb qed iwassal li aktar u aktar jemmnu li din il-politika ħlief rikatti ma baqax fiha.
Il-ħuta minn rasha tinten u tassew il-ħuta qed tinten. Nittama biss li l-politika ma ddumx ma terġa’ tingħata lura lin-nies, liż-żgħir, lill-middle class, lill-umli, lill-onest u mhux lil min biss moħħu kif jadura lil Alla tal-flus għaliex kull ma jara huwa flus u flus.
