Titneħħa storja ta’ moħqrija fuq immigranti minn fuq il-Facebook wara pressjoni li l-kuntrattur għamel fuq l-amministrazzjoni Nazzjonalista.
Ftit tal jiem ilu, Joe Micallef ġab storja fejn kuntrattur li għandu l-kuntratt ta’ San Vincenz ġab nies minn barra u dawn bagħathom fuq il-post tax-xogħol bla ma tahom training. Fi kliem ieħor, din hija storja ta’ skjavitu’ modern. Hawn ngħid prosit lill ġurnalista tal-Mument li wera kuraġġ u ġab din l-istorja.
Joħroġ ċar minn din l-istorja li dawn l-immigranti barranin qed jiġu abbużati u maħqura. F’każ minnhom, dawn ittieħdu dirett mill-airport għall-isptar San Vinċenż biex jaħdmu mal-anzjani mingħajr l-anqas ingħataw taħriġ.
Ovvjament il-kuntrattur jew kuntratturi li ġabu dawn l-bnedmin biex jaħdmu ma’ dawn in-nies ma ħadux gost b’din l-istorja. Tant li persuna li llum qed taħdem ma’ dan il-kuntrattur u sa ftit xhur ilu, kienet uffiċjal għoli fil-Partit Nazzjonalista u l-persuna of trust ta’ Richard Cachia Caruana fil-Partit Nazzjonalista għamel pressjonijiet kbar fuq il-Partit Nazzjonalista biex dan l-artiklu jitneħħa minn fuq Facebook Page. Bħal ma jiġri fil-ġurnali ewlenin tal-Ħadd, wara li xi storja tidher fil-gazzetta Il-Mument, din tittella’ fuq Facebook. Ma hemmx dubju li l-ġurnalista, Joe Micallef ġab din l-istorja mingħand dawn il-povri immigranti li qed jinġibu mill-Asja u jintużaw qieshom skjavi.
Dan is-sit jinsab infurmat li dan l-eks-uffiċjal li llum jaħdem ma’ dan il kuntrattur saħanistra ċempel lill-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Hawn qed nitkellem fuq uffiċjali għoljin u ma għandix dubju li uża kliem imżewwaq sew tant li din l-istorja tneħħiet minn fuq il-Facebook. Wieħed ma jeskludix li ċempel lil Piccinino jew saħansitra, lill-kap innifsu.
Dan hu partit li suppost qed jiġġieled għal min hu batut. Imma jidher ċar li anki l-PN qed jorbot ruħu mal-flus u jinsab fil-but tal-kuntratturi. Flok dan il-partit jagħżel li jiddefendi lil min hu batut, it-tmexxija tiegħu tagħżel li tkun ma’ min hu b’saħħtu u mbagħad immorru fuq quddiem fil-bankijiet tal-knisja. F’dan il-kuntest, kif qatt jista’ dan il-partit ikun gvern alternattiv għall-gvern tal-Lejber?
Din hija l-istorja li tneħħiet minn fuq il-Facebook mid-dirigenti tal-PN wara li kienet ippubblikata fil-Mument.
