L-erba’ mitt miljun li ngħataw lil Vitals u lil Steward ma jinkludux il-pagi tal-ħaddiema

Minn osservatur politiku.

L-Awditur Ġenerali ħareġ it-tielet rapport tiegħu dwar is-saga tal-isptarijiet. Milli jidher mhux rapport pożittiv u kompla fejn ħalla fl-ewwel u t-tieni rapport fejn wassal kundanna oħra lill-Gvern kemm ta’ Joseph Muscat kif ukoll dak ta’ Robert Abela. Din hija saga li swiet lill-poplu Malti mijiet ta’ miljuni li ser ikunu diffiċli ħafna biex jiġu rkuprati.

Issa li r-rapport qal li l-erba’ mitt miljun li għaddew għand Vitals/Steward ma jinkludux il-pagi mogħtija lill-ħaddiema li kellhom magħhom Steward, is-sitwazzjoni saret iktar taħraq u inkwetanti. Issa jidher li dawn l-400 miljun euro marru fil-bir tas-skieken u ser ikun aktar diffiċli biex jinġabru dawn il-miljuni. Għax li kieku iktar min-nofshom marru għall-pagi, wieħed kien ikollu raġun jgħid li almenu tħallsu l-ħaddiema. Imma issa ġie kkonfermat li dawk il-miljuni kollha li għaddew għand Vitals/Steward, ħadd ma jaf fejn marru u għal xhiex intużaw.

Minn dak li fiehmna f’dawn l-aħħar ġimgħat permezz ta’ dak kollu li qal Robert Abela, kien jidher li kien hemm il-pagi nvoluti. Imma issa jidher li l-Prim Ministru għandu ħafna iżjed x’jispjega għax kulħadd irid ikun jaf fejn marru 400 miljun euro, jekk ma marrux għall-pagi. Issa l-Awditur kixef is-sitwazzjoni u saret pożizzjoni mhux tenibbli għall-Prim Ministru u sħabu, li kienu qed jaħbu l-użu ta’ tant miljuni minn Vitals/Steward. Issa l-Prim Ministru jrid jiddikjara dak kollu li jaf u dak kollu li ġie miftiehem ma dawn il-frodisti, li dan ir-rapport kixef li huma mbruljuni ta’ mijjiet ta’ miljuni.

Bil-fors wieħed ikollu jikkonklludi li mn’Alla li kien hemm il-kawża li fetaħ Adrian Delia, għax kieku l-miljuni kienu jibqgħu għaddejjin lil dawn il-ħallelin. Kienet il-qorti li żammet milli dawn l-isptarijiet jibqgħu għand il-barranin u b’hekk nisperaw li l-pagamenti waqfu u mhux ser jingħataw iżjed. Li kieku ma kienx hemm dik is-sentenza, mid-dehra l-pagamenti kienu ser jibqgħu għaddejjin, bħalma baqgħu għaddejjin f’dawn l-aħħar snin, allavolja kien hemm miktub iswed fuq l-abjad li dawn kienu kuntratti frawdolenti.

Issa x’inhu jistenna l-Gvern li jiftaħ kawża lil Vitals/Steward biex, f’isem il-poplu Malti, jipprova jiġbor lura dawn il-miljuni kollha li pajjiżna tant għandu bżonn għall-investiment f’pajjiżna. Issa l-Prim Ministru ma fadallux skużi aktar biex jibda jaġixxi kontra l-barrani u jipprova jibda t-triq tal-ġbir tal-fondi, xi ħaġa li mid-dehra ser tkun diffiċli ħafna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *