Jista’ l-Ministru Silvio Schembri jikkonferma li qed jgħix f’appartament f’Ta’ Xbiex li jiswa miljun euro?

Ftit tal-ġimgħat ilu l-grupp parlamentari tal-Partit Laburista ppreżentaw id-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom lill-iSpeaker. Il-Ministru Silvio Schembri ddikjara li fis-sena li għaddiet ħa self ieħor ta’ 80,000 elf euro li qed jirrifjuta jispjega għalfejn ħadu u minn għand min. Huwa lanqas iddikjara assi biex juri għalxix kellu bżonn jieħu dan is-self.

Ix-Shift News talab lil Schembri jispjega dawn id-deċiżjonijiet tiegħu u minn fejn ġie dan is-self, x’interessi qed iħallas fuqu u għal liema raġuni ttieħed dan is-self. Dan għaliex fid-dikjarazzjoni tiegħu l-ministru semma biss id-dar matrimonjali tiegħu li tinsab f’Ħal Luqa, u li kellu żieda żgħira fit-tfaddil tiegħu. Is-self privat li ddikjara l-Ministru qed iħabbel l-irjus tant li l-iStandards Commissioner ser janalizza dan is-self.

Dan għaliex dan is-self tal-Ministru Schembri mhuwiex self minn xi bank imma huwa wieħed meħud personali u dan iqajjem id-dubji. Kien ikun aħjar u aktar trasparenti kieku l-ministru ddikjara minn fejn issellef dawn l-eluf, għal xix u x’interessi qed iħallas fuqu. Tagħmel differenza kbira jekk missierek ikun tak self ta’ flus mingħajr interessi milli tkun issellift dawn il-flus minn xi ħadd li għandu l-business.

Irridu bil-fors ninnotaw li Schembri huwa l-Ministru tal-Ekonomija, Crytocurrency u tal-Artijiet. Niftakru wkoll kemm kellu kampanja elettorali rikka mingħajr qatt ma ta ebda indikazzjoni kif ħallas għal dik il-kampanja kollha. Barra minn hekk, ix-shift News żvelat li Schembri qed juża żewġ uffiċji għall-kostitwenza, wieħed is-Siggiewi u l-ieħor Ħal Luqa. Kulħadd jaf li dawn iż-żewġ uffiċċji kienu mibnija minn żviluppaturi li kienu benefiċjarji tal-Awtorita’ tal-Artijiet.

Schembri dam jiġi mistoqsi kif qed jagħmel użu minn dawn iż-żewġ uffiċji. Wara ġimgħat ta’ mistoqsijiet huwa qal li qiegħed iħallas il-kerha imma qatt ma ta prova ta’ dawn il-kirjiet. Iktar ma jdum ma jkun skjett fuq dawn l-affarijiet kollha, iktar jitfa’ dubji fuq dak li jkun qed jagħmel jew kif qed ikun aġevolat biex ikun jista’ jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu.

Fuq kollox, Schembri ddikjara li d-dar tiegħu hija penthouse f’Ħal Luqa. Dan is-sit jixtieq jistaqsi lil Silvio Schembri jekk hux veru li qed jgħix f’appartament ġewwa Ta’ Xbiex li jiswa’ miljun ewro. U jekk dan hu minnu, għala dan l-appartament ma ġiex inkluż fid-dikjarazzjoni tal-assi?

2 thoughts on “Jista’ l-Ministru Silvio Schembri jikkonferma li qed jgħix f’appartament f’Ta’ Xbiex li jiswa miljun euro?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *